Ħabib ta’ Casa akkużat bi traffikar taż-żejt u ħasil ta’ flus – One News

Notifiki

Ħabib ta’ Casa akkużat bi traffikar taż-żejt u ħasil ta’ flus

L-eks plejer internazzjonali tal-futbol Jeffrey Chetcuti, li din il-ġimgħa ġie arrestat u akkużat b’ħasil ta’ flus u traffikar taż-żejt mil-Libja, kien intalab mill-ewro-parlamentari Nazzjonalista David Casa sabiex jiġi rrekordjat jgħid kemm iż-żewġt irġiel kienu ħbieb antiki.

Chetcuti u l-eks plejer l-ieħor Darren Debono qed jinżammu l-Ħabs ta’ Kordin sakemm jinbdew il-proċeduri f’dan il-każ li qed jiġi deskritt bħala l-akbar reat tax-xorta tiegħu u li jinvolvi l-ħasil ta’ miljuni ta’ ewro.

Sadanittant f’filmat li ilu jiċċirkola fuq YouTube il-plejer Jeffrey Chetcuti tkellem dwar il-ħbiberija tiegħu ma’ Casa.

Qal kif, “Minn hemm bdiet il-ħbibierija ma’ David Casa. David kien bniedem li xtaq jasal b’li ried jagħmel fil-ħajja”

Fl-istess filmat mtella’ mill-Ewroparlamentari Nazzjonalista stess, Chetcuti spjega wkoll li kien ilu ħabib ma’ Casa sa minn ċkunithom meta kienu kienu jqattgħu ħinhom fit-toroq tal-Belt Valletta.

Flimkien ma’ Chetcuti u Debono, ġew arrestati wkoll Gordon Debono, negozjant taż-żejt, u martu Yvette-Marie, li huma diretturi fi 11-il kumpanija, u Shawn Higgins.

L-Avukat Arthur Azzopardi u l-Accountant Chris Baldacchino ġew arrestati fl-istess operazzjoni iżda ġew rilaxxati fuq police bail.

Tliet snin ilu, il-gazzetta Kullħadd żvelat wkoll kif Darren Debono, li wkoll jinsab akkużat bl-istess reat, kien impjegat fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin bħala persuna ta’ fiduċja ta’ Joe Borg qabel dan sar Kummissarju Ewropew fl-2004. Joe Borg kien ħatar lil Debono bħala persuna ta’ fiduċja iżda l-impjieg ġie terminat fl-2004, meta l-Ministru nħatar Kummissarju Ewropew responsabbli mis-Sajd u Affarijiet Marittimi.

Meta l-każ ta’ traffikar taż-żejt mil-Libja kien issemma l-ewwel darba tliet snin ilu bħala parti minn investigazzjoni Taljana msejħa “Dirty Oil”, Debono kien ġie arrestat fi Sqallija u akkużat b’kompliċità flimkien mal-istess Gordon Debono.

Il-proċeduri hemmhekk għadhom għaddejjin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend