Laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-bdiewa u mar-raħħala f’Għawdex – One News

Notifiki

Laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-bdiewa u mar-raħħala f’Għawdex

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ltaqa’ mal-bdiewa u mar-raħħala f’Għawdex wara stedina li għamlilhom għal sessjonijiet ta’ konsultazzjoni.

L-għan ewlieni ta’ din il-laqgħa kien li hekk kulħadd ikun jista’ jagħti l-kontribut tiegħu u biex tingħata informazzjoni meħtieġa permezz ta’ diskussjonijiet. Waqt il-laqgħa kien hemm rappreżentanti tal-MEUSAC biex wara jitfassal pjan strateġiku li jindirizza l-ħtiġijiet għas-snin li ġejjin.

Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali qed jaħdem bis-sħiħ għax jemmen li s-settur agrikolu għandu potenzjal qawwi speċjalment fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Waqt il-laqgħa l-bdiewa u r-raħħala semmgħu leħinhom u tkellmu dwar il-preokkupazzjonijiet tagħhom u għal uliedhom filwaqt li ġew diskussi suġġetti dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali tal-agrikoltura, is-servizzi offruti mill-Ministeru u kif jistgħu jiġu mħajra bdiewa żgħażagħ biex jaħdmu fis-settur agrikolu u x’għajnuniet u x’investimenti hemm bżonn li jsiru fiż-żmien li ġej li jistgħu jiġu ffinanzjati minn fondi Ewropej fis-seba’ snin li ġejjin.

Il-Ministru Refalo qal li l-Gvern irid jaħdem spalla ma’ spalla mal-bdiewa u mar-raħħala biex l-isfidi jiġu indirizzati kemm lokalment kif ukoll fuq livell Ewropew. Żied jgħid li għalkemm diġà sar ħafna xogħol fix-xhur li għaddew, xorta waħda qed jara x’jista jsir aktar biex b’hekk is-settur jissaħħaħ, ikun protett, sostenibbli u jpoġġi l-interess għall-ġid tal-bdiewa u tar-raħħala Maltin u Għawdxin.

Ritratti (MAFA)

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend