Inawgurati 23 vettura ġdida għall-Forzi Armati ta’ Malta – One News

Notifiki

Inawgurati 23 vettura ġdida għall-Forzi Armati ta’ Malta

Ġew inawgurati 23 vettura ġdida għall-Forzi Armati ta’ Malta. B’hekk, il-flotta tas-servizz qed tiġġedded u ssir iktar moderna. Dan sar b’investiment ta’ aktar minn €600,000 li hu maħsub biex il-forza tkun f’pożizzjoni aħjar biex twettaq id-doveri tagħha.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, fi stqarrija spjega kif dawn il-vetturi ġodda huma parti minn numru ta’ investimenti oħra li qed isiru fil-Forzi Armati ta’ Malta biex ikun assigurat li l-FAM jkunu mgħammra bir-riżorsi meħtieġa.

Huwa qal, “Sodisfatt li l-korpi dixxiplinati kollha qed jaħdmu biex jimxu ‘l quddiem permezz ta’ investiment li qed isir. Qed naħdmu b’mod li nassiguraw it-tisħiħ ħolistiku tal-forzi tal-ordni. Inutli ninvestu fl-aqwa apparat u għodda jekk imbagħad ma jkunx hemm biżżejjed uffiċjali biex iħaddmuhom. Għalhekk, il-Gvern huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ il-Forzi Armati ta’ Malta kemm bit-tagħmir kif ukoll fir-riżorsi umani u t-taħriġ tagħhom”.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-Brigadier Jeffrey Curmi, lill-uffiċjali u lis-suldati tal-Forzi Armati li apparti x-xogħol li jwettqu kuljum, jaħdmu qatigħ biex investimenti ta’ dan it-tip jiġu implimentati.

Dan l-investiment tħabbar ftit jiem biss wara li ġie ffirmat l-ewwel ftehim settorjali għall-ħaddiema tal-Forzi Armati ta’ Malta li żied il-fond tas-salarji bi € 8.2 miljun fis-sena.

Ritratti: AFM

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend