Heritage Malta takkwista waħda mill-aħħar dgħajjes tal-Latini – One News

Notifiki

Heritage Malta takkwista waħda mill-aħħar dgħajjes tal-Latini

Heritage Malta akkwsitat waħda mill-ftit dgħajjes magħrufin bħala ‘tal-Latini’ li għad baqa’ f’pajjiżna.

Bil-laqam ‘il-Ħalliela’, din hija l-iżgħar dgħajsa tal-għamla tagħha, u kienet tintuża għat-trasportazzjoni tal-merkanzija u passiġġieri bejn Malta u Għawdex. Sa ftit snin ilu, ‘il-Ħalliela’ kienet tintuża għas-sajd f’Marsaxlokk, iżda issa ġiet relokata għar-restawr f’Villa Bighi l-Kalkara.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, José Herrera saħaq li l-Gvern jara akwist bħal dan bħala investiment fil-wirt u l-kultura Maltija. Spjega wkoll li se tkun il-ġojjell tal-kollezzjoni marittima għal pajjiżna.

Huwa qal, “Għandna ħafna artifatti marittimi imma ma kellniex dgħajsa tal-Latini, u din hija l-icing on the cake. Hija probabbilment l-isbaħ dgħajsa li qatt ipproduċiet Malta fl-antik. Kien hemm biss xi għoxrin minnhom dawn, kważi spiċċaw u kważi miraklu li rnexxielna nsibu waħda intatta.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit ħabbar ukoll li hemm il-ħsieb li din id-dgħajsa, u l-bqija tal-kollezzjoni marittima, jibew jintwerew f’sit ġdid.

Is-Sur Zammit stqarr, “Heritage Malta, ftit ilu għamlet talba lill-Gvern u lill-Kumitat tal-Garanzija biex tingħata f’idejha l-Pixkerija antika tal-Belt. Ovvjament kieku ningħataw dan il-post nibdew billi nirrestawrawh u nagħmlu attrazzjoni u esperjenza madwar id-dgħajjes tradizzjonali Maltin u Għawdxin inkluża din id-dgħajsa.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend