Monsinjur Mario Grech ta’ 62 sena se jsir it-tielet Kardinal Malti.
Huwa twieled ġewwa l-Qala, Għawdex, fl-għoxrin ta’ Frar tal-1957.
Ftit wara l-familja ta’ Mario Grech imxiet ġewwa r-raħal ta’ Kerċem, fejn hawnhekk beda jattendi l-Iskola tas-Sorijiet Karmelitani Terżjani u l-Iskola Primarja Ta’ Kerċem. Imbagħad, fl-1977 beda jistudja ġewwa l-Iskola Sekondarja tal-Gvern tar-Rabat, Għawdex u kompla l-istudji tiegħu fit-Teoliġija fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.
L-Isqof Emeritu Għawdxi ġie ordnat saċerdot fis-26 ta’ Mejju tal-1984 mill-Isqof Nikol Cauchi.
Dun Mario Grech intbagħat Ruma, fejn hemmhekk kiseb id-Dottorat fil-Liġi Kanonika mill-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Aquino. Fiż-żmien li dam ġewwa Ruma, Dun Mario ħadem fil-kamp tal-Liġi Kanonika fit-Tribunali tal-Knisja.
Lura f’Għawdex, Dun Mario Grech għal diversi snin kien Uffiċċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Knisja.
Fl-1993, huwa nħatar Vigarju Ġudizzjali għat-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ Għawdex, filwaqt li fl-istess perjodu huwa nħatar Imħallef fit-Tribunal tal-Knisja f’Malta.
Dun Mario kien imdaħħal fil-proċess għall-Beatifikazzjoni ta’ Madre Margerita DeBrincat, li kienet il-fundratriċi tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, kif ukoll fil-proċess ta’ beatifikazzjoni ta’ Monsinjur Ġużeppi De Piro, li kien il-fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.
Fl-2004, Dun Mario nħatar kappillan fil-Paroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor f’Ta’ Kerċem, Għawdex.
Fis-26 ta’ Novembru 2005, Dun Mario Grech ġie nominat mill-Papa Benedittu XVI bħala t-tmien Isqof ta’ Għawdex, fejn imbagħad fit-22 ta’ Jannar 2006, saret il-Konsagrazzjoni Episkopali u l-Ingress Solenni ta’ Monsinjur Mario Grech. Huwa ġie kkonsagrat isqof minn mill-Isqof Monsinjur Nikol Cauchi, assistit mill-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Ġużeppi Mercieca.
Bħala Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech tkellem dwar diversi temi, fosthom huwa voċiferu kontra l-abbort u l-ewtanasja, hekk kif appella sabiex tingħata l-kura meħtieġa lil kull persuna. Tkellem ukoll kontra l-abużi u tkellem sabiex ma jiġux minsija l-minoranzi fis-soċjetà.
Fit-2 ta’ Ottubru 2019, il-Papa Franġisku ħatar lill-Monsinjur Mario Grech bħala Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, fejnn beda jaħdem f’din il-kariġa fil-Vatikan fis-16 ta’ Settembru ta’ din is-sena.
Fl-4 ta’ Lulju ta’ din is-sena, il-Papa Franġisku ħatar lil Monsinjur Grech f’kariġa għolja oħra fis-Santa Sede, f’dik ta’ membru fuq il-Kummissjoni Pontifiċja għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara.
Nhar il-25 ta’ Ottubru mat-tokki ta’ nofsinhar, wara t-talba tal-Angelus, il-Papa Franġisku ħabbar li Monsinjur Mario Grech se jkun kreat Kardinal, flimkien mat-12-il kardinal ieħor.
Fl-ewwel kummenti ta’ Monsinjur Grech ma’ ONE News qal li permezz ta din il-kariġa l-ġdida huwa impenn ieħor biex jgħix il-ħajja saċerdotali tiegħu fil-knisja b’risq il-bniedem u biex il-komunjoni tal-knisja tkompli tissaħħaħ.
“Inqis li dan huwa impenn ieħor biex ngħix il-vokazzjoni saċerdotali tiegħi fil-knisja, b’risq il-knisja, f’għaqda mal-Papa Franġisku.”
Monsinjur Mario Grech ġie msejjaħ l-ewwel fil-lista tal-Papa Franġisku, li jfisser li dakinhar tal-Konċistorju, Monsinjur Grech se jindirizza lil Papa f’isem il-poporati l-ġodda.