Żewġ Taljani nżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja li importaw 55kg kannabis.
Vito Potenza ta’ 34 sena u Antonio Saponara ta’ 35 sena ċaħdu li importaw u ttraffikaw l-istess droga. Huma ġew akkużati wkoll li kellhom il-ħsieb li jimportaw id-droga f’Malta.
Iż-żewġt irġiel ġew arrestati mill-Pulizija l-Erbgħa mal-wasla tagħhom fuq lanċa f’Marsaskala.
Il-Pulizija arrestaw ukoll Taljan ta’ 54 sena li kien qed jistenna l-lanċa torbot mal-moll, liema raġel għadu ma tressaqx il-Qorti fejn qed jinżamm arrestat mill-Pulizija.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli semgħet kif l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienet għaddejja bl-investigazzjoni meta ngħatat ħjiel dwar lanċa li kienet dieħla fil-port iġġorr ammont kbir ta’ kannabis, liema droga għandha valur fis-suq ta’ €750,000.
Tfittxija fir-residenzi tal-akkużati wasslet għal sejba ta’ ammont żgħir ieħor ta’ kannabis kif ukoll sustanza lleċita bajda allegatament kokaina.