Notifiki

Tlett irġiel arrestati wara qabda ta’ 55kg droga fuq lanċa tas-sajd b’valur li jlaħħaq €750,000

Ġimgħat ta’ investigazzjoni u sorveljanza mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fuq il-movumenti ta’ lanċa tas-sajd, waslu għal sejba ta’ madwar 55 kilo kannabis li kienet se tiddaħħal Malta.

B’rabta ma’ din is-sejba ġew arrestati tlett irġiel Taljani li għandhom 34 sena, 35 sena u 54 sena u kollha huma residenti Malta.

L-Erbgħa wara nofsinhar, membri tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) iċċirkondaw il-lanċa, li hija rreġistrata Malta, malli din trakkat mal-moll f’Wied il-Għajn. Wieħed mill-persuni abbord, malli lemaħ il-pulizija qabeż il-baħar iżda ġie arrestat mill-ewwel, waqt li ġiet arrestata l-persuna l-oħra li kienet fuq il-lanċa. Qiegħed jinżamm ukoll mill-pulizija raġel ieħor li kien qiegħed jistenna l-lanca titrakka mal-moll.

Il-55kg droga kannabis instabet f’diversi boroż tal-plastik f’sitt xkejjer tad-drapp, li kienu moħbijien f’partijiet differenti tal-lanċa. Il-valur fit-triq, li kieku din id-droga nbiegħet, kienet tlaħħaq is- €750,000.

Saru wkoll tfittxijiet fir-residenza tat-Taljani fejn instab ammont zgħir tal-pjanta kannabis u sustanza bajda, allegatament droga kokaina.

Iż-żewġt irġiel ta’ 34 sena u 35 sena, li kienu fuq il-lanċa, se jkunu qegħdin jitressqu l-Qorti llum il-Ġimgħa, 27 ta’ Novembru, 2020 fl-għaxra ta’ filgħodu, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Audrey Demicoli LL.D.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend