Din is-sena f’Malta waslu elfejn, mitejn u sitta u ħamsin immigrant irregolari, u li kieku ma kienx hemm relazzjoni tajba u kooperazzjoni b’saħħitha mal-Libja, kienu jaslu mas-sebat elef oħra li ġew interċettati.
Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo f’konferenza tal-bord iddedikat għall-immigrazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Med Forum.
Il-Ministru qal li filwaqt li bil-kooperazzjoni ta’ Malta mal-Libja ġiet evitata kriżi kbira, il-problemi urġenti u fit-tul għad iridu jiġu solvuti.
Saħaq li l-ebda pajjiż ma jista’ jsolvi din il-problema waħdu, u spjega li f’termini ta’ proporzjonalità, elf migrant irregolari li jaslu Malta huma ekwivalenti għal miljun wasla fl-Unjoni Ewropea.