B’investiment ta’ ħamsa u għoxrin miljun ewro, ġiet imnedija l-istrateġija ta’ kultura reġjonali għal ħames snin li ġejjin, fejn għall-ewwel darba l-ħames reġjuni f’pajjiżna se jkollhom il-pjanijiet tagħhom fis-settur tal-kultura.
Kull sena l-ħames reġjuni f’pajjiżna se jkunu allokati miljun ewro kull sena sabiex jinvestu fil-kultura.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Kultura Josè Herrera, li qal kif din parti mill-viżjoni li tħabbret din il-ġimgħa, imsejsa fuq għaxar pilastri.
Spjega kif, “Għall-ewwel darba qed nidħlu fi ftehim bħala Kunsill tal-Arti mar-Reġjuni biex nippromovu b’saħħa kbira l-kultura. L-investiment li qed isir b’mod dirett u indirett huwa wieħed sostanzjali ħafna, kbir anzi.”
Min-naħa tagħha, id-Direttur tal-Fondi u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti qalet kif din l-istrateġija se tkun qed tqarreb viċin l-artisti sabiex jorganizzaw huma aktar attivitajiet. Hija semmiet kif permezz ta’ din l-istrateġija se jkun aktar kollaborazzjoni bejn l-artisti.
Qalet kif, “Tirrenja aħna l-kooperazzjoni hawnhekk, il-kollaborazzjoni fejn jidħlu l-Kunsilli Lokali bejniethom, fejn jidħlu reġjuni bejnithom. Għaliex meta titkellem fuq koperazzjoni tanġibbli, nista’ nispjega ruħi billi ngħid pereżempju ma jkunx hemm iżjed attivitajiet doppji jew inkella jaħbtu mal-istess weekends, pereżempju. Dawn huwa attivitajiet żgħar li forsi wieħed jista’ jifhem xi rrid ngħid b’kollaborazzjoni.
Id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Kultura Natalino Attard qal kif permezz ta’ strateġija bħal din, il-reġjuni m’għandhomx biss fuq il-karta imma se jimplimentaw l-affarijiet.