B’investiment ta’ tlettax-il miljun u sitt mitt elf ewro li ġejjin minn fondi Ewropej ġie mħabbar investiment għal aktar sigurtà fil-fruntieri ta’ pajjiżna.
Permezz ta’ dan l-investiment, il-pajjiż se jkollu aktar informazzjoni dwar min qed jidħol f’pajjiżna u barra minn hekk l-uffiċjali tal-immigrazzjoni u awtoritajiet oħra se jkunu jistgħu jidħlu f’din is-sistema u jiċċekjaw jekk persuna għandiex xi mandat ta’ arrest jew reati kriminali.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li dawn is-sistemi se jgħinu lill-korp.
Qal kif, “Dawn is-sistemi, fosthom se jkunu qed jintroduċu sistemi teknoloġiċi inkluż biometric systems fuq il-passaporti, li allura se jnaqqsu mill-human errors jew mill-indħil tan-nies allura fihom. Fejn is-sistema se jkunu qed jaqrah min huwa awtorizzat li jidħol fil-pajjiżi tal-Unjon i Ewropea jew le.”
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal kif dan l-investiment se jkun qed jgħarraf lill-membri tas-sigurtà li jkollhom informazzjoni għal min ikun daħal f’pajjiżna, li huma wkoll il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.
Qal kif permezz ta’ dan l-investiment se jkun hemm inqas abbużi, bħal dawk li jippruvaw jitilqu minn pajjiżna b’passaporti foloz.
Spjega li, “Bħala Gvern kommessi illi nibqgħu ninvestu fis-sigurtà minn kull għadd. Illum qegħdin inħabbru investiment massiv fis-sigurtà tal-pajjiżna fil-border control. Iżda wkoll fl-istess ħin, nibqgħu ninvestu fl-entitajiet kollha, inkluż fil-ħaddiema, fid-drittijiet tagħhom u fil-kundizzjonijiet tagħhom sabiex pajjiżna jkun wieħed sigur u l-Maltin u l-Għawdxin kollha jkollhom moħħ mistriħ ta’ sigurtà f’pajjiżna.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif il-fondi Ewropej qed jgħinu fit-tisħiħ tas-sigurtà.
Qal kif, “Dawn il-proġetti huma wkoll maħsuba biex isaħħu s-sistemi eżistenti u jdaħħlu sistemi ġodda, marbuta mal-obbligi tagħna, kemm bħala pajjiż innifsu, kif ukoll bħala pajjiż stat membru tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll bħala pajjiż parti miż-żona Schengen.”