L-istudenti ta’ EkoSkola jaqsmu ħsibijiethom dwar l-ambjent mal-PL – One News

Notifiki

L-istudenti ta’ EkoSkola jaqsmu ħsibijiethom dwar l-ambjent mal-PL

Il-Partit Laburista attenda laqgħa ma’ diversi studenti fi ħdan l-iskola Mater Boni Consili f’Raħal il-Ġdid. Hawn sema’ l-ħsibijiet li għandhom l-istudenti ta’ din l-iskola rigward l-ambjent.

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef faħħar l-impenn ta’ dawn l-istudenti, li minn età żgħira qegħdin jikbru b’kuxjenza lejn l-ambjent. Sostna wkoll li inizjattivi bħalma huma l-Ekoskola huma kruċjali għall-bidla tal-kultura li hemm bżonn sabiex l-ambjent jiġi protett. Micallef stqarr li l-istudenti kienu katalisti fl-iżvilupp ta’ inizjattivi dwar l-ambjent eżistenti, u appella lill-istess studenti sabiex jibqgħu konxji u attivi f’dan il-qasam.

Marica Grieco Falanga hija waħda mill-għalliema f’din l-iskola li tieħu ħsieb l-Ekoskola. Din qalet li l-proġett tal-Ekoskola jgħallem lit-tfal l-importanza li jieħdu ħsieb l-ambjent minn età żgħira.

Din l-imħabba t’ambjent li tixxettel fost it-tfal tkun tista’ tinfluwenza lill-ġenituri.

Hija spjegat: “Imorru lura fil-familji tagħhom, jgħidulhom u jinvolvu l-ġenituri tagħhom ukoll. Pereżempju aħna nagħmlu Earth Day kull sena li jkun qisu festival. Ħafna nies jafu fuq attivitajiet tal-Milied imma għalina, Earth Day hija importanti daqshom.”

ONE News tkellem ukoll ma’ Zoya u Laura, żewġ studenti f’din l-iskola li jixtiequ jikbru f’ambjent aktar nadif.

Laura stqarret magħna: “L-iktar ħaġa li nixtieq nara hija dwar il-baħar. L-iskart u żjut li hemm fil-baħar imma anke fl-arja.”

Zoya qaltilna: “Ma nixtieqx nara li jkun hemm ħafna postijiet li jkun hemm ħafna ħmieġ mal-art bħal sigaretti u jħalluhom mal-art.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend