Notifiki

Jitlesta r-restawr tal-faċċati tal-bitħa tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija

Għadu kif tlesta l-proġett estensiv tar-restawr tal-faċċati tal-bitħa interna tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. Dan ix-xogħol huwa parti minn proġett ferm akbar ta’ xogħlijiet li qed isiru f’dan il-mużew u li permezz tagħhom il-viżitatur se jkollu esperjenza aktar ħolistika.

Fl-okkażjoni tat-tlestija tar-restawr tal-faċċati tal-bitħa saret żjara fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera. Huwa ngħata tagħrif dwar ix-xogħlijiet li għaddejjin mill-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit.

Permezz ta’ dan il-proġett ġew irrestawrati l-faċċati tal-bitħa tal-mużew kif ukoll l-aperturi kollha tal-injam li jagħtu għall-bitħa, b’uħud minnhom jiġu rinovati għal kollox minħabba l-kundizzjoni prekarja li kienu fiha. Gallerija kbira tal-injam li sservi bħala passaġġ li jwassal għal żoni differenti tal-binja ġiet irrestawrata wkoll. Barra minn hekk saru xogħlijiet strutturali fuq il-bjut tal-mużew fejn fost miżuri oħra ġiet installata sistema ġdida għall-ilma tax-xita.

Id f’id mal-proġett tal-bitħa għaddejjin xogħlijiet oħra fil-mużew, li fosthom hemm il-proċess ta’ titjib fl-interpretazzjoni tal-wirja permanenti fis-sular ta’ isfel. Dan it-titjib jinkludi r-reviżjoni tat-tagħrif fuq il-pannelli tal-interpretazzjoni, b’tali mod li l-informazzjoni saret aktar aċċessibbli għall-pubbliku filwaqt li hemm aċċenn akbar fuq l-aspett viżiv.

Il-Ministru José Herrera faħħar l-inizjattiva li jsiru dawn ix-xogħlijiet u qal li permezz ta’ dan il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija se jkun qed jirrifletti bl-aħjar mod, b’esperjenza unika u immersiva, l-istorja rikka ta’ pajjiżna. Dan kollu qed isir fil-qafas tal-viżjoni mnedija ftit xhur ilu bil-ħsieb li s-siti li għandha f’idejha Heritage Malta fil-Belt Valletta joffru lkoll flimkien esperjenza ħolistika u unika lill-viżitaturi.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Noel Zammit semma li x-xogħlijiet fil-mużew setgħu jingħataw spinta aktar qawwija fix-xhur meta l-mużew kien magħluq għall-pubbliku minħabba l-imxija tal-Covid-19. Huwa fakkar li minbarra x-xogħlijiet ta’ restawr, tisbiħ u titjib fl-interpretazzjoni, għaddejja wkoll riċerka storika kif ukoll sondaġġi fiżiċi f’diversi partijiet tal-binja biex wieħed jifhem aħjar l-istorja twila u rikka tal-Berġa ta’ Provenza li fiha tilqa’ dan il-mużew.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend