Tliet persuni nżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija b’ħasil ta’ flus fuq miljuni ta’ ewro, fost oħrajn.
Il-koppja Gordon u Yvette Debono ta’ 46 u 45 sena rispettivament minn Wied il-Għajn u Shaun Higgans ta’ 36 sena minn Raħal Ġdid ġew akkużati b’ħasil ta’ flus billi allegatament kkonvertew jew ittrasferixxew proprjetà meta kienu jafu jew kellhom suspett li dik il-proprjetà inkisbet minn attività kriminali.
Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, il-prosekuzzjoni talbet li tiġi sekwestrata l-proprjetà u l-flejjes tal-imputati.
Il-koppja Gordon Debono u Yvette Debono għandhom numru ta’ kumpaniji fis-settur marittimu allegatament involuti f’ħasil ta’ flus.
Debono waħdu qed jiġi akkużat li fil-kumpanija Petropolus Limited, li sa Ottubru t’għaxar snin ilu kienet magħrufa bħala Tiko Tiko Limited, fejn huwa żgwida b’mod qarrieq u falz lill-awdituri tal-kumpanija.
Id-difiża għat-tliet persuni mmexxija mill-avukat Roberto Montalto talbet għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet imputati.
Dr Montalto qal ukoll kif Gordon Debono għandu akkużi simili fl-Italja, fejn hemmhekk huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest u tħalla jiġi hawn Malta.
Il-prosekuzzjoni ma qablitx ma’ din it-talba, minħabba li l-investigazzjonijiet tal-pulzija għadhom fi stadju bikri. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-ispetturi Joseph Xerri, Omar Caruana u James Turner, flimkien mill-avukati mill-Avukat Ġenerali, Elaine Mercieca u Cinzia Azzopardi Alamango.
It-tliet imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.