ARA: L-aħħar vjaġġ tal-ġgant twajjeb u umli l-Professur Oliver Friggieri – One News

Notifiki

ARA: L-aħħar vjaġġ tal-ġgant twajjeb u umli l-Professur Oliver Friggieri

Jum ta’ Luttu Nazzjonali. Il-bnadar mezzasta. U l-ilsien Malti, bil-vistu, jibki wieħed minn uliedu. Tingħata l-aħħar tislima lill-Poetà u kittieb Malti l-Professur Oliver Friggieri.

Persuna li minn età żagħżugħ bil-pinna tiegħu kien diġà jsaħħar lil kull min jintilef jaqra kitbietu. Kitbiet li jħallu lil qarrejja jixtarru u jiriflettu.

Friggieri qatta l-biċċa kbira minn ħajtu jgħallem u jeduka, bl-aħħar snin bħala lettur ta’ eluf ta’ studenti tal-Malti fl-Università ta’ Malta.

F’din il-ġurnata sewda l-korteo b’Friggieri u akkumpanjat minn martu Eileen u bintu Sarah telaq mill-Isptar Mater Dei lejn id-daħla prinċipali tal-Università. Hawnhekk sab jilqgħuh għexieren ta’ akkademiċi, professuri u eks studenti.

L-atmosfera ta’ diqa u s-skiet taqtgħu b’sikkina, inkiser bil-melodija tal-kitarra u l-kant ta’ waħda mill-poeżiji tiegħu, ‘Hekk biss ikun poetà’.

Fl-Università tkellimna ma’ waħda mill-eks studenti tiegħu li qasmet memorja ħelwa tal-mibki lettur.

Hija qalet: “L-iktar ħaġa li niftakar li wara kull lecture kien jgħidilna l-bieb u dejjem miftuħ l-uffiċju hu dejjem miftuħ  niftakar għamilna perdjodu jien u sħabi nitkellmu fuq it-teżi u anke karriera tal-futur.”

Fil-bidu ta’ ħajtu l-Professur Malti twieled u għex il-Furjana imbagħad mar jgħix fi Fleur De Lys f’Birkirkara.

Il-korteo b’Friggieri għamel waqfa f’dawn il-postijiet, fejn sab jilqgħuh kemm lill-ġirien f’Birkirkara u l-Furjaniżi quddiem il-Knisja ta’ San Publiju. Hawnekk is-Sindku tal-Furjana Davina Sammut Hili poġġiet bukkett tal-fjuri fuq it-tebut.

Fuq il-bieb tar-residenza tiegħu eks studenta waħlet warda b’dawn il-kliem:Din il-warda ġejja miegħek tfewwaħlek it-tebut, ix-xitla tibqa’ tħaddar bħal xogħlok mhux ħa tmut.”

Mal-wasla tal-korteo fi Pjazza San Ġwann infetħu bibien is-sema filwaqt li l-qniepen tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann daqqew il-mota ta’ mewt. Hawnhekk Friggieri ngħata l-aħħar tislima b’quddiesa kkonċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof akkumpanjat minn bosta membri tal-kleru, qal kif il-Professur Friggieri qatt ma weġġa’ lil ħadd bil-pinna moderata tiegħu.

L-Arisqof stqarr: “Ħin minnhom iddeskriva ruħu bħala bniedem li kien moderat għaliex tgħallem iħares lejn dak kollu li jinseġ ir-ruħ u s-soċjetà Maltija u japprezza d-dawl u d-dellijiet. Imma ma nafux jidemonizza lil xi ħadd, jitkellem ċar iva. Iweġġa’ qatt.”

Għall-funeral organizzat mill-Istat kien hemm preżenti wkoll l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura tiegħu Miriam Vella u l-Prim Ministru Robert Abela u s-sinjura tiegħu Lydia Abela.

Id-difna tal-Poeta Malti kienet waħda privata.

Miegħu ma ndifnux kitbietu, hekk kif dawn, apparti li se jibqaħu mnaqqxa fl-istorja tal-ilsien Malti, se jibqgħu jitgawdew u jintirtu minn ġenerazzjoni għal oħra. Ġenerazzjonijiet li se jħarsu lejn Friggieri bħala ġgant tal-letteratura Maltija.

Il-ġgant umli u twajjeb.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend