Notifiki

Tammetti li traffikat id-droga minn garaxx imbarrat bil-briks fil-Marsa

Kimberly Aly ta’ 20 sena mill-Birgu wieġbet ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha dwar traffikar tad-droga. Aly tressqet il-Qorti t-Tlieta filgħodu wara li ġiet arrestata waqt rejd li sar it-Tnejn f’garaxx fil-Marsa.

F’dan ir-rejd instabu 63 qratas ta’ eroina, 110 qratas ta’ kokaina u 15-il qratas crack lesti għal bejgħ li jġibu l-valur ta’ €4,000, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.

Il-mara, li għandha ħames xhur tqala ġiet akkużata li forniet il-kokaina, eroina u kannabis filwaqt li kellha xi sustanzi li ma kinux għall-użu personali tagħha.

L-Avukati Difensuri talbu lill-Maġistrat Astrid May Grima sabiex is-sentenza tingħata minn Qorti oħra li tisma’ każijiet dwar droga, kif ukoll talbu għal-libertà proviżorja sakemm tingħata s-sentenza.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Justine Grech ma’ oġġezzjonatx għall-ħelsien mill-arrest, u dan għall-fatt li l-mara ammettiet kif ukoll għaliex għandha ħames xhur tqala.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000 u fuq il-kundizzjoni li l-mara tiffirma f’għassa darbtejn fil-ġimgħa filwaqt li tosserva l-ħinijiet li fihom trid tkun id-dar. Il-mara ġiet projbita milli tkun fiż-żona tal-Marsa.

Aqra wkoll:

Tfajla arrestata fuq qabda kbira tad-droga wara bieb tal-ħadid kien imbarrat bil-briks

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend