Pass eqreb biex ikollna r-Right to Disconnect ġewwa Malta – One News

Notifiki

Pass eqreb biex ikollna r-Right to Disconnect ġewwa Malta

Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba esprima s-sodisfazzjon kbir tiegħu għall-aħbar li l-Gvern Malti qed jaspira li jintroduċi qafas leġiżlattiv li jinforza legalment ir-Right to Disconnect f’Malta.

Dan tħabbar nhar il-Ħamis 20 ta’ Novembru, mill-Onor. Carmelo Abela, Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li spjega li l-Gvern lest li jadotta dan il-kunċett u bħalissa qiegħed jiddiskuti t-triq ‘il quddiem internament u mal-imsieħba soċjali kkonċernati. Il-Ministru Abela qal li fuq livell Ewropew, Malta qed taspira li tkun minn tal-ewwel li ddaħħal dan id-dritt legalment, u nnota li l-Gvern bħalissa qed jaħdem fuq qafas leġiżlattiv biex jirregola x-xogħol remot.

“Bħala persuna fdata bl-abbozzar tar-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar ir-Right to Disconnect, ninsab ferm sodisfatt li l-Gvern Malti mhux biss huwa miftuħ għall-introduzzjoni ta’ dan il-kunċett fil-qafas legali ta’ Malta, iżda li aktar minn hekk qed jiddiskutih b’mod proattiv u qed jaħdem biex dan jidħol fis-seħħ”, qal il-MPE Agius Saliba.

Sa mill-ewwel jiem tiegħu fil-Parlament Ewropew, il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba kien ferm attiv u qajjem id-diskussjoni dwar dan is-suġġett, u saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol. Matul dawn l-aħħar xhur, Agius Saliba esprima l-pożizzjoni tiegħu b’mod ċar diversi drabi, fuq il-bżonn li fuq livell Ewropew jkun hemm dritt ġenerali għall-iskonnettjar li jiċċara u jsaħħaħ id-dritt tal-ħaddiema li jiskonnettjaw minn apparat relatat max-xogħol u li jkunu jistgħu ma jirrispondux għal talbiet relatati max-xogħol mingħajr ma jiffaċċjaw konsegwenzi negattivi.

Fid-dawl ta’ dan, bħala Membru tal-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, Agius Saliba ġie maħtur biex imexxi d-diskussjonijiet u jippreżenta l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, liema negozjati huma mistennija li jiġu konklużi, kemm fuq livell politiku u kif ukoll fuq livell tekniku, matul din il-ġimgħa. L-ewwel vot dwar il-leġiżlazzjoni tar-Right to Disconnect kif proposta mill-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba huwa mistenni li jittieħed fil-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali nhar l-1 ta’ Diċembru 2020.

Fir-rimarki konklużivi tiegħu, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba qal li l-impenn tal-Gvern jawgura tajjeb, u jistenna bil-ħerqa li jidħol f’aktar diskussjonijiet mal-Gvern fix-xhur li ġejjin, li fl-aħħar mill-aħħar għandhom iwasslu għal livell ta’ għajxien aħjar tal-impjegati, kemm f’Malta kif ukoll fil-bqija tal-Unjoni Ewropea.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend