Malta trid li jkollha l-aqwa relazzjoni mar-Renju Unit – One News

Notifiki

Malta trid li jkollha l-aqwa relazzjoni mar-Renju Unit

Pajjiżna jrid jaħdem sabiex meta jkun possibli, ikun hemm diskussjoni dwar ir-relazzjoni bilaterali u futura mar-Renju Unit.

Dan intqal mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD. Dan sabiex ikun ta’ ġid għaċ-ċittadini rispettivi kif ukoll bħal aspetti oħra, bħat-turiżmu.

Il-Ministru Abela qal kif il-Gvern ħatar lil Mario Vella bħala Kummissarju Specjali għar-relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Kummerċ mar-Renju Unit.

Il-Ministru Abela stqarr: “Importanti li bħala pajjiż inkomplu bil-preparamenti tagħna. Importanti li mhux biss il-Gvern li jagħmel il-preparamenti tiegħu, imma anke s-settur privat irid ikompli għaddej bil-ħidma f’dan ir-rigward. Dak huwa messaġġ importanti li aħna nwasslu għall-ġid ta’ kulħadd.”

F’din il-laqgħa tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi li qal kif wara li jintemm il-perjodu ta’ transizzjoni, il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea ser jieqfu japplikaw għar-Renju Unit.

Semma kif żdiedu r-riżorsi fid-dipartiment tad-dwana minħabba l-bidliet li se mistenni jġib Brexit bħal dħul ta’ proċeduri u tariffi ġodda. Intqal ukoll kif saru tħejjijiet fl-aġenzija Identity Malta u mill-awtorità dwar il-mediċini rigward l-importazzjoni tal-mediċini.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal: “Bħala Gvern għamilna ħafna xogħol ta’ koordinazzjoni, biex ikun hemm l-inqas impatt fuq pajjiżna. Mill-banda l-oħra s-setturi privati kollha u anke ċittadini privati jeħtieġ li jkunu preparati għal din il-bidla.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend