Lydia Abela tniedi kampanja ta’ 16-il jum dwar aktar għarfien u kuxjenza għall-vjolenza domestika – One News

Notifiki

Lydia Abela tniedi kampanja ta’ 16-il jum dwar aktar għarfien u kuxjenza għall-vjolenza domestika

It-Tlieta filgħaxija ġiet imnedija l-kampanja, ‘Mhux kull dar tagħti kenn’. Kampanja ta’ sittax-il ġurnata fuq aktar għarfien u kuxjenza dwar il-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika.

Hawnhekk, fil-preżenza ta’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, tħabbar li se jiġi introdott sinjali bl-idejn biex persuni li huma vittmi ta’ vjolenza domestika jkunu jistgħu jiġbdu l-attenzjoni u jallarmaw lil ta’ madwarhom dwar il-periklu.

Il-Kummissarju fuq il-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri qalet kif f’pandemija ħafna nisa nqabdu f’darhom ma’ dak li jabbużahom.

Friggieri qalet kif ir-riċerka turi li ftit wisq tfajliet ifittxu l-għajnuna, meta jsofru minn vjolenza domestika.

Is-Sinjura Abela fl-indirizz tagħha qalet kif kulħadd jista’ jgħaddi minn tip ta’ vjolenza domestika, minn anzjani, żgħażagħ, irġiel u nisa. Qalet kif mhux faċli li tieħu pass, iżda dan huwa l-għan tal-kampanja biex titqajjem aktar kuxjenza b’tisħiħ ta’ għarfien u gwida. Semmiet kif se jisimgħu lil dawk li għaddew minn esperjenzi ta’ vjolenza domestika u jaraw x’hemm bżonn biex tiġi indirizzata din il-pjaga, għax ħadd ma ħaqqu jiġi abbużat u imsawwat.

Qalet kif il-ħidma mhux se tkun f’dawn is-sittax-il ġurnata biss iżda matul is-sena kollha. Temmet billi għamlet kuraġġ lil persuni li għaddejjin minn vjolenza domestika u appellat biex isibu l-għajnuna.

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar qalet kif bħala Gvern il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika qatt ma waqqfet u semmiet l-inizjattiva li permezz tagħha tagħti assistenza legali b’xejn 24 siegħa kuljum lill-vittmi tal-vjolenza domestika. Spjegat kif sa issa 170 persuna rrikorew għal dan is-servizz.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal kif din hija pjaga soċjali xprunata mill-injoranza u li tista’ ssolviha biss billi tibdel il-mentalità tal-persuni li jkunu aggressuri b’motiv ta’ vjolenza.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal kif sa ftit ilu l-vjolenza domestika kienet tabù iżda issa b’dan l-għarfien qed ngħinu lil aktar persuni biex jitkellmu u jfittxu l-għajnuna. Qal kif minn vittmi lil dawn il-persuni nġibuhom gwerriera u jagħmlu l-ewwel pass ‘il quddiem.

Ġie spjegat kif se jinxtegħlu disa’ torrijiet bil-kulur oranġjo, li fil-passat kienu jintużaw għal sigurtà, protezzjoni u saħħa. Hekk dawn is-simboli jridu jkunu jirrifletti f’dawn il-vittmi.

Il-messaġġ jibqa’ wieħed, jekk tara każ ta’ vjolenza domestika ċempel fuq 179.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend