Għada Malta tosserva jum ta’ luttu b’tislima lill-Prof. Oliver Friggieri – One News

Notifiki

Għada Malta tosserva jum ta’ luttu b’tislima lill-Prof. Oliver Friggieri

Għada pajjiżna se josserva jum ta’ luttu nazzjonali minħabba li se jsir funeral mill-Istat tal-Professur Oliver Friggieri.

Il-quddiesa tal-funeral se ssir fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fis-2.00pm u se tkun ikkonċelebrata mill-Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta.

Il-Gvern qal li l-funeral tal-Professur Friggieri, patrijott u wieħed mill-awturi l-iktar rispettati tat-tieni nofs tas-seklu għoxrin, qed jiġi organizzat mill-Istat Malti b’rikonoxximent għall-kontribut straordinarju li ta lil pajjiżna u lil niesu tul il-karriera tiegħu.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kiteb uffiċjalment lis-Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali, Diretturi u Kapijiet tal-Entitajiet Pubbliċi biex għada l-bnadar fuq il-binjiet pubbliċi jittajru mezz’asta.

Il-Korteo funebri se jitlaq mill-Isptar Mater Dei fis-12:45 pm lejn l-Università ta’ Malta fejn il-Professur Friggieri għadda għexieren ta’ snin minn ħajtu jeduka lill-istudenti tiegħu bħala lettur fid-Dipartiment tal-Malti fejn serva wkoll bħala Kap tad-Dipartiment u Professur tal-Letteratura. Hawnhekk se jingħata tislima xierqa mill-Università.

Minn hemmhekk il-Korteo funebri jipproċedi għal quddiem ir-residenza privata tiegħu fi Fleur-de-Lys, u għal quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ San Publiju fil-Floriana, raħal twelid il-Prof. Friggieri fejn se tingħatalu tislima mill-Kunsill Lokali tal-Floriana u mill-Kleru tal-Parroċċa ta’ San Publiju.

Wara l-Korteo funebri se jmur lejn il-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Fi tmiem il-quddiesa, il-funeral se jitkompla privatament.

Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern intqal li minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwan se jitħallew jidħlu biss dawk il-persuni li rċivew stedina uffiċjali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend