Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi kien preżenti għall-iffirmar ta’ proġett, li se jkun qed isir bis-saħħa ta’ fondi Ewropej, mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq għall-promozzjoni tal-wirt storiku u kulturali tal-lokalità permezz ta’ applikazzjoni diġtali.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi saħaq li dan huwa wieħed minn ħdax-il proġett li jiffurmaw parti mit-tielet miżura tal-proġett LEADER, amministrata mill-Fondazzjoni Gal Xlokk. Dawn il-proġetti qed isiru b’investiment ta’ €80,000 b’fondi Ewropej li qed jiġu investiti f’sensiela ta’ proġetti li jagħtu l-opportunità lil benefiċjarji li joħorġu b’ideat ġodda biex jippromwovu u jaqsmu informazzjoni relatata mal-wirt kulturali, filwaqt li jwaqqfu ‘Heritage Trails’, li jgħaqqdu attrazzjonijiet u siti differenti ta’ importanza turistika fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Is-Segretarju Parlamentari qal li, permezz ta’ dawn il-proġetti, qed nippromwovu l-wirt storiku u kulturali b’mod innovattiv u aktar attraenti, kemm għaż-żgħażagħ u anki għat-turisti li jiġu jżuru l-lokalitajiet tagħna.
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima qalet li, permezz ta’ dan il-proġett, il-kunsill se jkun jista’ jesponi aħjar il-wirt kulturali taż-Żurrieq. Il-Fondazzjoni tal-Gal Xlokk tamministra l-programm LEADER fin-naħa t’isfel ta’ Malta, li jagħti l-opportunitajiet lil kunsilli lokali u għaqdiet biex japplikaw għal finanzjament għall-proġetti ta’ preservazzjoni u promozzjoni tal-kultura Maltija.