“Kien ixxukjat b’rifle ma’ rasu” – anestetista li dewwa lil Ali Rezaq – One News

Notifiki

“Kien ixxukjat b’rifle ma’ rasu” – anestetista li dewwa lil Ali Rezaq

“Ok, he is saying that he will not even talk to you and he will continue to shoot passengers every half an hour.”

Din hija l-korrispondenza li ta l-kaptan tal-ajurplan maħtuf tal-Egyptair, f’isem il-grupp terroristiku ta’ Ali Rezaq u sħabu, ħamsa u tletin sena ilu.

Dan l-avveniment baqa’ magħruf bħala l-akbar hijack li qatt ħalla vittmi fl-istorja u l-ikbar traġedja minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija f’pajjiżna, hekk kif inqatlu tnejn u sittin persuna.

ONE News tkellem mal-ġurnalist veteran tat-Times li dakinhar mar fuq il-post.

Huwa ddeskriva din it-traġedja, li  kienet maqsuma fi tlieta, meta nieżel l-ajruplan li minn Ateni kellu jmur lejn il-Kajr, iżda ġie lejn Malta, il-mument meta Ali Rezaq u sħabu bdew jisparaw persuna kull kwarta u meta sploda l-ajruplan hekk kif il-Commandos Eġizzjani attakkaw l-ajruplan.

Dak il-ħin, it-terroristi bdew jitolbu l-fjuwil biex imorru l-Libja.

Il-ġurnalist veteran qal magħna kif jiftakar li wara ġurnata xogħol huwa kellu jerħilha lejn l-ajruport, fejn kien hemm kollega li permezz tar-radju beda jisma’ l-kommunikazzjoni bejn il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Karmenu Mifsud Bonnici u l-grupp terrorista, li ħataf l-ajruplan permezz tal-kaptan tal-ajruplan.

Dakinhar it-terroristi poġġew quddiem lill-passiġġiera Amerikani u Iżraeljani, u bdew joħorġuhom u jisparawlhom f’rashom.

Qal kif, “Niftakar waħda milli sparaw, Jackie Pflug, kienet mill-Iżrael mingħalija, kienu sparawlha u ma mititx. Kienu qed jisparawlhom u jitfgħuhom min fuq l-apron għall-art. Hi baqgħet hemmhekk ma ċċaqqalqietx, taparsi mejta, infatti kienet fieqet mhux għal kollox.”

Il-ġurnalist veteran spjega x-xena li kien hemm dakinhar.

Spjega li, “L-airport sadanitant kien dlam ċappa, dlam, dlam. Wara l-isplużjonijiet xegħel kollox. Nies minn fuqu jiġru u jisparaw, qed tifhem, jaqgħu u dawn l-affarijiet bil-konfużjoni li tista’ timmagina u duħħan ħiereġ minn kullimkien.”

Tkellimna wkoll mal-anestetista Dr Joseph Zarb Adami, li dakinhar kien fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar San Luqa. Qal kif dakinhar fl-isptar iddaħħlu diversi persuni, fosthom it-terrorist Ali Rezaq.

Qal kif, “Iltqajt miegħu huwa u dieħel id-dipartiment tal-emerġenza, ixxukkjat, flimkien ma’ suldat, b’riffle ma’ rasu u jiena u Dr Mike Bailey għamilnilu d-drip u filli ma kellux pressjoni u filli beda jistejqer u daħħalnih l-ITU.”

L-anestetista qal magħna kif dawk li ddaħħlu l-isptar kollha salvaw għajr għal tfajla Iżraeljana ta’ madwar għoxrin sena.

Sostna kif, “L-ITU, ovvjament kien hemm, mhux Ali Rezaq biss, li Omar Marzouki imbagħad għarfuh min hu, imma kien hemm tifla Iżraelita li waqfet tieħu n-nifs f’idejja, kellna nintubawha xorta u filfatt fl-aħħar mietet.”

Ali Rezaq, l-unika terrorist li baqa’ ħaj, ingħata sentenza fil-Ħabs ta’ Kordin fejn ħareġ fi Frar tal-elf disgħa mija tlieta u disgħin u bħalissa jinsab jiskonta sentenza f’ħabs fl-Amerka.

Huwa mistenni joħroġ mill-ħabs f’Lulju li ġej.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend