Mara ta’ 38 sena minn Marsaskala, sofriet ġrieħi gravi fi Triq il-Qaliet wara li ntlaqtet minn vettura.
Kien għall-ħabta tas-19:05 meta kuntistabbli li kien fuq ronda fi Triq Sant’ Antnin kien infurmat li ftit ħin qabel, karozza kienet laqtet raġel Pakistan ta’ 28 sena, residenti Raħal Ġdid, li kien qed isuq mutur Kymco Agility. Ix-xufier tal-karozza Peugeot 108 telaq minn fuq il-post wara li kellem lill-Pakistan. Minnufih il-Pulizija sejħet ambulanza sabiex tassisti lir-raġel.
Intant proprju għaxar minuti wara l-ewwel inċident, l-istess uffiċjali kienu infurmati li kien hemm inċident ieħor fi Triq il-Qaliet. Kif il-Pulizija marret f’din it-triq, innotaw diversi vetturi maħbuta b’waħda minnhom tkun l-istess vettura li kienet involuta fl-inċident mal-mutur.
Minn investigazzjonijiet ulterjuri rriżulta li x-xufier tal-Peugeot, wara li laqat dawn il-karozzi, saq b’lura u laqat mara li kienet miexja f’passaġġ.
Il-mara ta’ 38 sena minn Marsaskala stess marret fiċ-Ċentru tas-saħħa u aktar tard ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi, filwaqt li x-xufier tal-mutur ma sofriex ġrieħi.
Ix-xufier tal-karozza Peugeot, raġel ta’ 49 sena, qed jiġi mitkellem mill-Pulizija, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.