Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar id-dedikazzjoni u l-ħidma tal-ħaddiema kollha fid-dipartiment tas-saħħa.
Dan għamlu waqt li flimkien mad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne attendew għal sessjoni tal-COVID-19 Incident Command Group, fl-Isptar Mater Dei.
Dan il-grupp twaqqaf fi Frar li għadda u huwa magħmul minn għadda ta’ professjonisti, tobba u konsulenti. Dan il-grupp għandu l-għan li jieħu ħsieb li ssir analiżi immedjata tas-sitwazzjoni kurrenti fl-isptar.
Permezz ta’ dan il-grupp, il-ħaddiema jantiċipaw minn qabel il-ħtiġijiet u jilqgħu bl-aħjar mod possibbli għal kull eventwalità. Dan il-grupp jassigura li l-ħaddiema kollha tal-isptar qed jadattaw skont in-neċessità u jassigura li s-servizz tas-saħħa jkompli jingħata bi professjonalità.
Waqt l-istess żjara, il-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministeru żaru d-Dipartiment tal-Patoloġija fejn raw kif dan id-dipartiment qed jaħdem bla waqfien biex ilaħħaq mat-testijiet normali tas-sistema tas-saħħa kif ukoll mat-testijiet relatati mal-COVID-19. Dan id-dipartiment ma joffrix biss servizz lill-Isptar Mater Dei, iżda jaħdem ukoll it-testijiet tal-Isptar Boffa, tal-Isptar Monte Karmeli, tar-Residenza San Vinċenz de Paule u taċ-ċentri tas-saħħa tal-Gvern.
Hawnhekk il-Prim Ministru Robert Abela qal kif il-poplu Malti għandu fiduċja fil-ħaddiema f’dan is-settur, filwaqt id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne appella sabiex kulħadd isegwi mal-pariri u l-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex l-isptarijiet tagħna jkomplu joffru servizz ta’ eċċellenza.