ARA: Il-Pulizija fil-Komunità ta’ Birżebbuġa jgħidu li s-sewqan eċċessiv huwa l-akbar tħassib tar-residenti – One News

Notifiki

ARA: Il-Pulizija fil-Komunità ta’ Birżebbuġa jgħidu li s-sewqan eċċessiv huwa l-akbar tħassib tar-residenti

Birżebbuġa u Marsaxlokk huma tnejn minn ħdax-il lokalità li f’Awwissu li għadda, bdew il-proġett tal-Pulizija fil-komunità, hekk kif dan ġie estiż wara suċċess bla preċedent fil-Mellieħa.

Minn Awwissu sal-lum, f’dawn iż-żewġ lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta, saru aktar minn elf u mitejn siegħa ta’ rondi, b’distanza ta’ mitejn u erbgħin kilometru bir-roti.

Waqt dawn ir-rondi, il-Pulizija taw aktar minn mija u tmenin parir, fl-istess waqt li ħarġu mija u sebgħin kontravenzjoni.

It-Tnejn filgħodu, crew ta’ ONE News bakkar mal-Pulizija f’Birżebbuġa, fejn l-uffiċjal tal-Pulizija fil-Komunità Werner Bugeja spjega l-akbar tħassib fost in-nies li jiltaqa’ magħhom.

Qal kif, “Prattikament l-akbar problema li sibna s’issa fiż-żewġ lokalitajiet li naħdmu fihom aħna, Marsaxlokk u Birżebbuġa, hija l-ispeeding, speed eċċessiv f’toroq residenzjali li huwa ta’ tħassib anki għall-anzjani x’ħin joħorġu mid-dar, jista’ jkun ta’ periklu kbir għalihom.”

It-tħassib tan-nies, inbidel fi prijorità għall-Pulizija.

Is-Surġent Michael Zahra spjega li bit-tema “Control Your Speed”, l-uffiċjali tal-Pulizija fil-Komunità qed jaħdmu biex jedukaw dwar sewqan responsabbli.

Spjega li, “Qegħdin nagħmlu diversi checkpoints f’Birżebbuġa u Marsaxlokk u meta naraw lil xi ħadd ġej bl-ispeed, inwaqqfuh, nedukawh u nispjegawlu x’jistgħu jkunu r-riperkussjonijiet għax huwa għaddej b’dak l-ispeed f’żoni urbani fejn suppost l-ispeed ikun baxx.”

B’dan il-proġett, il-Pulizija qed ikollhom ċans jindirizzaw it-tħassib tar-residenti li għal xi wħud jista’ jidher żgħir, iżda li meta jiġi indirizzat, tinkiseb il-fiduċja fl-uffiċjali li jħarsu l-ordni fil-pajjiż.

Sostna li, “In-nies x’ħin tkellimhom, tistaqsihom jekk hux kollox sew, xi problemi għandhom. Li tmur fuqhom inti huwa ta’ vantaġġ ikbar milli jiġu huma għax forsi dak li jkun jiddejjaq jiġi jitkellem mal-Pulizija allura tmur inti, tistaqsih, eżempju affarijiet żgħar li ltqajna magħhom u li qed naħdmu fuqhom hija eżempju l-klieb li jħammġu barra u klieb jinbħu.”

Is-Surġent qal li din il-ħidma ssir b’sinerġija sħiħa mal-uffiċjali fl-għases tal-Pulizija, u spjega li filwaqt li dawn tal-aħħar ikunu reattivi għaliex ħafna mix-xogħol tagħhom huwa msejjes fuq rapporti li jsiru fl-għases, il-ħidma tal-Pulizija fil-Komunità hija aktar proattiva, għax tinżel qalb in-nies biex tisma’ u taġixxi.

Qal kif, “Immorru nħabbtu l-bibien tan-nies, niltaqgħu magħhom fil-ħwienet tal-merċa jew hekk, f’post miftuħ bħal hawnhekk, nispjegawlhom x’qegħdin nagħmlu, x’inhu l-kunċett tal-Community Policing u fuq xiex qegħdin naħdmu biex dejjem nagħtu feedback ta’ x’qegħdin nagħmlu bħala Pulizija tal-komunità.”

Il-proġett tal-Pulizija fil-Komunità beda bħala proġett pilota fil-Mellieħa f’Awwissu tas-sena l-oħra, u ġie estiż fi ħdax il-lokalità sena wara.

L-Ispettur Juan Mula Debono spjega li l-ħsieb hu li jerġa’ jiġi estiż is-sena d-dieħla, biex sa nofs l-elfejn u wieħed u għoxrin, terz tal-lokalitajiet f’pajjiżna jkollhom il-Pulizija fil-Komunità.

Qal kif, “Għall-futur, għaddejjin bi studju kontinwu u niġbru informazzjoni milli jagħtuna n-nies, u sa nofs is-sena d-dieħla bi ħsibna nżidu nerġgħu l-ammont ta’ timijiet kemm Malta u kif ukoll nintroduċu f’Għawdex.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend