Fl-2021 se sseħħ ġustizzja sħiħa għall-festi misruqin – One News

Notifiki

Fl-2021 se sseħħ ġustizzja sħiħa għall-festi misruqin

Is-sena d-dieħla se sseħħ ġustizzja sħiħa mal-ħaddiema għall-festi misruqin, hekk kif il-budget għall-2021, effettivament se jkun qed jimplimenta l-wegħda elettorali b’mod sħiħ li l-btajjel pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, jiġu kkumpensati b’żieda korrispondenti man-numru ta’ ġranet leave li kull ħaddiem igawdi minnhom kull sena bil-liġi.

Din il-wegħda elettorali kienet saret fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista tal-elfejn u sbatax, u bdiet titwettaq minnufih fl-2018, billi kull sena żdiedet btala pubblika minn dawk li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa u żdiedet mal-leave addizzjoni tal-ħaddiema.

B’għaqal, intagħżel dan il-metodu gradwali biex min iħaddem ma jitgħabbiex b’piżijiet żejda li ma jkunx jiflaħ għalihom.

Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi fl-elfejn u ħamsa, kien seraq dawn il-ġranet ta’ leave lill-ħaddiema b’miżura rigressiva.

Dawn il-btajjel pubbliċi bdew jingħataw lura minn Gvern Laburista fl-2018, li jfisser li bejn l-2005 u l-2017, bil-miżura antisoċjali li kien daħħal Gvern Nazzjonalista, il-ħaddiema nsterqu b’aktar minn ħamsin ġurnata leave.

Analiżi tal-gazzetta turi li meta dan in-numru jiġi mmultiplikat man-numru ta’ ħaddiema f’pajjiżna u l-paga li kienu jirċievu, jirriżulta li s-somma totali tilħaq u possibbilment taqbeż it-tliet mitt miljun ewro.

Flus misruqa li bdew jingħataw lura lill-ħaddiema minn Gvern Laburista fl-aħħar sentejn, u li bil-budget li ppreżenta Robert Abela x-xahar li għadda, il-ħaddiema huma garantiti li l-btajjel pubbliċi kollha li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, jiżdiedu mal-ġranet tal-leave kull sena.

B’dan il-mod, mis-sena d-dieħla ’l quddiem, il-Gvern se jiggarantixxi li l-btajjel pubbliċi kollha li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa jiġu kkumpensati bi ġranet addizzjonali ta’ leave.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *