Attendenza sabiħa fiċ-childcare centres tal-Gvern – One News

Notifiki

Attendenza sabiħa fiċ-childcare centres tal-Gvern

L-attendenza fiċ-Childcare Centres tal-Gvern hija waħda pożittiva, bil-biċċa l-kbira tal-ġenituri tat-tfal żgħar afdaw fil-prekawzjonijiet kollha li ttieħdu b’rabta mal-Covid-19.

F’wieħed mit-tlettax-il ċentru, dak tal-Merill f’Pembroke l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, Dermot Galea, spjega ma’ dan l-istazzjon li b’kollox huma jilqgħu għandhom ‘l fuq minn 300 student u madwar disgħin edukatur.

Huwa qal: “Tul dawn l-aħħar ħames xhur l-attendenza kienet waħda tajba ħafna, jiġifieri l-ġenituri raw li bħala fondazzjoni qegħdin nimxu mar-regoli u qed nirrispettaw dawn ir-regoli u allura kellna l-fiduċja tagħhom.”

Dawn il-prekawzjonijiet kienu evidenti fiċ-Ċentru ta’ Pembroke, hekk kif l-edukaturi kollha kienu lebsin protezzjoni waqt li kienu f’kuntatt mat-tfal. It-tfal żgħar qed iżommu l-klassi tagħhom u ma jitħalltux m’oħrajn minn klassijiet differenti.

Il-Kap Eżekuttiv qal li ċ-ċkejknin qed jiġu edukati wkoll dwar l-iġjene, sabiex anke f’din l-età żgħira jkunu jafu kif jibżgħu għal saħħithom, partikolarment f’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija.

Huwa sostna: “Bħala edukaturi fil-programm edukattiv matul il-ġurnata ninkludu wkoll biex anke t-tfal f’din l-età daqshekk żgħira jitgħallmu wkoll għas-sitwazzjoni li għaddejjin fiha llum l-affarijiet bażiċi ta’ iġjene biex nissalvagwardjaw saħħithom u noqogħdu ‘l bogħod kemm jista’ jkun minn dan il-virus li llum il-ġurnata qegħdin ngħixu miegħu.”

Is-Sur Galea fakkar li l-appikazzjonijiet f’dawn iċ-ċentri huma dejjem miftuħin, hekk kif bħalissa wkoll baqa’ xi spazji għat-tfal.

Iċ-Childcare Centres kienu l-ewwel istitituzzjonijiet edukattivi li fetħu, wara li f’Marzu li għadda ngħalqu l-iskejjel kollha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend