Żagħżugħ li joħlom li jgħix f’ambjent nadif qed imexxi bl-eżempju u ħareġ inaddaf il-Qajjenza – One News

Notifiki

Żagħżugħ li joħlom li jgħix f’ambjent nadif qed imexxi bl-eżempju u ħareġ inaddaf il-Qajjenza

“Jiena l-ħolma tiegħi hi li nara l-ambjent ta’ pajjiżi nadif.”

Din hija l-ħolma ta’ Clayton Borg. Żagħżugħ ta’ tnejn u għoxrin sena li ma’ sbieħ is-Sibt, ma ħalliex ix-xita taqtagħlu qalbu milli jibda jaħdem biex jaraha ssir realtà.

Clayton jixtieq li l-ambjent li jgħix fih ikun nadif, u beda jmexxi bl-eżempju, għaliex ġabar numru ta’ persuni – fosthom żgħażagħ tamparu – biex jgħinuh inaddaf it-toroq tal-Qajjenza, il-lokalità li fiha twieled, trabba u għex.

Qal kif, “Fil-viċinanzi hawn it-take aways, ejja nirrispettaw, ma niġux nieklu hawnhekk u nħallu l-boroż hawn. Per eżempju iktar kmieni dalgħodu nstabu l-fannijiet, instab il-madum, instabu l-affarijiet tal-kostruzzjonijiet, nirrispettaw l-ambjent.”

Il-clean up tas-Sibt ġiet organizzata b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.

Dan fid-dawl li Clayton huwa wieħed miż-żgħażagħ li jaħdem mill-qrib mal-Aġenzija Żgħażagħ f’dak li jissejjaħ bħala Detached Youth Work.

Il-kunċett warajh spjegah Shaun Busuttil, wieħed mill-Youth Workers, li jinżel fit-toroq ta’ Birżebbuġa, sitt sigħat fil-ġimgħa, jiltaqa’ maż-żgħażagħ.

Spjega li, “Aħna x’nagħmlu ma’ dawn iż-żgħażagħ? Aħna nfittxu li l-ewwelnett nibnu rapport magħhom, rapport ta’ fiduċja, bil-għan li huma mhux biss ikellmuna fuq dak li jixtiequ u fuq l-aspirazzjonijiet tagħhom, kif jistgħu jbiddlu lil Malta u lid-dinja, imma nippruvaw nassistuhom fil-bżonnijiet tagħhom.”

Intant, iż-żagħżugħ ħabbrieki temm b’appell skjett imma b’saħħtu biex inżommu l-ambjent li ngħixu fih, nadif.

Hu appella, “Tħammġux, tħammġux, tħammġux.”

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Diment li f’dan il-pajjiż meraviljuż tagħna jibqa hawn il-bhejjem, il-bdabad u l-injuranza ftit hemm ċans li jkun hawn l-indafa ħabib. Ħafna snin ilu jien u ħbieb tiegħu għamilna bħalkom fil-belt fej konna noqgħodu u ppruvajna ndaħħlu sens ta responsabilita’ li iżda għadu nieqes sal-lum! Nawguralek xorta.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *