Xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella tal-Madonna tal-Ħlas fiż-Żejtun – One News

Notifiki

Xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella tal-Madonna tal-Ħlas fiż-Żejtun

B’investiment ta’ mija u tletin elf ewro fondi Ewropej, se tiġi rrestawrata l-Kappella tal-Madonna tal-Ħlas fiż-żona ta’ Ħal Bisbut fiż-Żejtun.

Din il-kappella, li nbniet fl-elf sitt mija u tnejn u tmenin fuq stil vernakulari, fil-passat kienet tintuża bħala post fejn jindifnu t-trabi.

F’konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu ntqal kif din il-kappella ma setgħetx tiftaħ il-bibien tagħha aktar għall-quddies minħabba l-istat perikoluż li tinsab fih.  

L-Arċipriet taż-Żejtun Dun Nikol Pace qal kif dawn il-fondi kienu qishom barka minn Alla, għax issa permezz tagħhom din il-kappella unika fil-qalba tar-raħal se terġa’ tingħata l-karrateristiċi tagħha u anke tintuża għal skopijiet reliġjużi.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, qal kif għaddejjin numru ta’ proġetti oħra ta’ restawr ta’ kappelli.

Qal kif, “Dan il-proġett ta’ restawr huwa parti minn kullana ta’ proġetti li qed isiru b’kollaborazzjoni bejn is-segretarjat għall-Fondi Ewropej flimkien mal-Fondazzjoni responsabbli mill-wirt ekleżjastiku li flimkien qed naħdmu biex diversi artefati kif ukoll binjiet ekkleżjastiċi jiġu restawrati ħalli jitgawdew minnha u minn ta’ warajna.”

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll is-Sindku taż-Żejtun u l-Kunsilliera u r-rappreżentant tal-Kurja Maltija Michael Pace Ross.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *