Wara ż-żewġ co-options fil-Parlament Malti fid-19 ta’ Ottubru li għadda, u wara li tħabbar li l-Ministru għall-Finanzi huwa rrakkomandat biex jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela llum wettaq bidliet fil-kabinett immexxi minnu.
Il-bidliet ikomplu jikkaratterizzaw il-kabinett bħala wieħed ta’ talent u maqgħud, b’element qawwi ta’ żgħażagħ u bil-parteċipazzjoni tan-nisa kollha fil-Grupp Parlamentari tal-Gvern.
Il-prijorità tal-Prim Ministru f’dawn id-deċiżjonijiet kienet li l-pajjiż ikompli miexi b’saħħtu ’l quddiem billi jwettaq iktar bidliet u riformi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u Maltin.
F’diskussjonijiet produttivi li kellu mal-Ministri u Segretarji Parlamentari, Dr Abela enfasizza l-bżonn li l-Gvern ikompli jwieżen lil dawk li l-aktar għandhom bżonn, isaħħaħ ix-xogħol u joħloq klima ta’ investiment, u jħejji lil Malta għal futur.
Dan huwa l-kabinett li jista’ jkompli jindirizza u joffri s-serħan il-moħħ lill-familji, l-ħaddiema u n-negozji. Għaliex huwa l-kabinett li huwa kburi b’dan il-pajjiż u li jemmen fil-poplu tagħna.
Intant, Glenn Micallef inħatar bħala Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru minflok Clyde Caruana, li issa huwa l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol.
Glenn Micallef hu gradwat fl-ekonomija u fil-politika Ewropea. Fl-aħħar snin, Micallef okkupa l-kariga ta’ Direttur Ġenerali tad-Dipartiment ta’ Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea u minn Jannar li għadda l-kariga ta’ konsulent tal-Prim Ministru għall-Affarijiet Ewropej, fejn kien ukoll parti mit-tim ta’ negozjati li wasslu biex pajjiżna kiseb allokazzjoni rekord ta’ €2.25 biljun f’fondi Ewropej għas-seba’ snin li ġejjin.
Dawn huma l-Ministri fil-Kabinett
Robert Abela – Prim Ministru
Chris Fearne – Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa
Evarist Bartolo – Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej
Michael Farrugia – Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva
Owen Bonnici – Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara Covid-19
José Herrera – Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali
Carmelo Abela – Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Ian Borg – Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali
Michael Falzon – Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal
Edward Zammit Lewis – Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza
Anton Refalo – Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali
Roderick Galdes – Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali
Justyne Caruana – Ministru għall-Edukazzjoni
Silvio Schembri – Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija
Julia Farrugia Portelli – Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja
Aaron Farrugia – Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar
Clint Camilleri – Ministru għal Għawdex
Byron Camilleri – Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi
Clayton Bartolo – Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi
Miriam Dalli – Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli
Clyde Caruana – Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol
Dawn huma s-Segretarji Parlamentari fil-Kabinett
Stefan Zrinzo Azzopardi – Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Rosianne Cutajar – Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza
Clifton Grima – Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji fi ħdan il-Ministeru għall-Inkluzjoni u l-Kwalità tal-Ħajja
Chris Agius – Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar
Alex Muscat – Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi
Deo Debattista – Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur