Il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment beda jopera taħt regolamenti ġodda, li huma konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u jagħmluh aktar sigur.
B’dawn il-bidliet, l-applikanti ma jistgħux japplikaw għaċ-ċittadinanza immedjatament wara li kisbu l-istatus ta’ residenti f’pajjiżna.
Minflok, se jitħallew japplikaw għaċ-ċittadinanza, tliet snin wara li jkunu kisbu l-istatus ta’ resident, b’eċċezzjoni għal dawk li għandhom investiment għoli għax se jkunu jistgħu japplikaw minn sena wara.
Barraminnhekk, issa l-Gvern se jippubblika l-ismijiet tal-applikanti kollha li jirċievu ċ-ċittadinanza Maltija, kif ukoll l-ismijiet ta’ dawk li ma jingħatawx iċ-ċittadinanza.
Twaqqfet ukoll aġenzija ġdida bl-isem ta’ Komunità Malta li se tamministra materji relatati maċ-ċittadinanza.
Din se jkollha s-setgħa li tipprovdi informazzjoni lill-awtoritajiet ikkonċernati, u se twettaq moniteraġġ kontinwu tal-applikanti għall-ewwel ħames snin wara li jkunu kisbu ċ-ċittadinanza.
L-aġenti wkoll huma rregolati, għaliex iridu jkunu professjonisti bħal avukati, accountants u konsulenti finanzjarji liċenzjati. L-aġent għandu jippreżenta ċertifikat ta’ kondotta kriminali nadifa u jkun soġġett għd-due diligence mill-Aġenzija.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-programm, Alex Muscat, spjega kif pajjiżna qed jirriforma l-liġijiet u jimplimenta regolamenti li jmorru lil hinn minn dak li jagħmlu ħafna pajjiżi Ewropej.
Qal kif, “Ejja nfakkru lil kulħadd illi kieku ma kienx għall-programm ta’ ċittadinanza kif kien qabel, ma konniex stajna nwarbu l-ġid kollu li warrabna li għenuna ħafna waqt il-mument tal-bżonn, waqt il-pandemija. Aħna rridu li jibqa’ jkollna inizjattiva simili sabiex nibqgħu miftuħin għall-investiment internazzjonali u nibqgħu nattiraw il-ġid lejn pajjiżna.”
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li huwa biss pajjiżna li jiddeċiedi lil min jagħti ċ-ċittadinanza.
Sostna kif, “Aħna qed nagħmluha ċara ħafna mal-Kummissjoni Ewropea li ċ-ċittadinanza għandha tibqa’ kompetenza nazzjonali u fuq dan il-punt m’aħniex se niċċaqalqu. Min isir Malti u min le, aħna niddeċiedu. Kull pajjiż għandu jibqa’ liberu li jiddeċiedu hu min isir ċittadin ta’ dak il-pajjiż.”