Il-kummentatur politiku Dr Simon Mercieca staqsa jekk Jason Azzopardi hux veru ta r-rigal tal-fidda lil Ray Fenech, wara li Azzopardi ġie minn Tel Aviv b’kamra mħallsa fil-lukanda mill-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Dr Mercieca qal li minn informazzjoni li għandu, Ray Fenech, ma rċieva l-ebda rigal tal-fidda mingħand Jason Azzopardi.
Jason Azzopardi kien qal li wara li tħallsitlu l-kamra fil-lukanda Hilton ta’ Tel Aviv, huwa xtara rigal lil ta’ Fenech u ħallih fir-reception tat-torri tal-Hilton.
Dr. Mercieca qal kif Jason Azzopardi seta’ vvinta din l-istorja għaliex jaf li fir-reception ma jagħtux irċevuti tal-oġġetti li jirċievu. Huwa kompla jgħid kif fir-reception ikun hemm il-ħaddiema u normalment dawn mal-ewwel jibgħatu minnufih l-oġġett fl-uffiċċju ta’ min ikun indirizzat l-oġġett.
Jekk il-persuna ma tkunx fl-uffiċċju, il-ħaddiema tar-reception jistaqsu lil persuna fejn dan ir-rigal jista’ jitwassal.
Il-kummentatur politiku saħaq li dan kollu jkompli jikkonferma kemm Jason Azzopardi hu giddieb, li fakkar ukoll kemm dan il-politiku ta’ spiss jitkellem fuq is-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.
Intant il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler kien xejjen l-iskuża ta’ Jason Azzopardi li rreċiproka l-ħlas tal-kamra f’lukanda f’Tel Aviv mill-Grupp Tumas billi xtara rigal tal-fidda lil min ħallaslu l-kamra.
Hawnhekk Hyzler qal li jekk deputat jingħata rigal u jirreċiprokah b’rigal min-naħa tiegħu, dan ma jikkanċellax ir-rigal mogħti lid-deputat.