George Ebejer ta’ tnejn u erbgħin sena nħeles mill-akkużi, li meta kien xufier tal-Arriva, ffroda s-sistema tal-biljetti ta’ tal-linja, bejn Diċembru tal-elfejn u tnax, u Marzu tal-elfejn u tlettax.
Ebejer kien akkużat li kien iħassar il-biljetti, u l-flus mill-vjaġġi jżommhom għalih.
Fil-Qorti, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet kif il-każ preżentant mill-Pulizija kien wieħed inkonklussiv, hekk kif id-dokumenti li ressqet il-prosekuzzjoni kienu mill-elfejn u ħdax, sena qabel l-allegat reat, meta l-imputat qatt ma ssemma f’dawn id-dokumenti.
Huwa ammetta li xi drabi ħassar xi biljetti, iżda dan meta kienu joħorġu ħażin minħabba problema fil-magna.
Xhud fil-Qorti xehed kif il-PIN number tal-akkużat ġieli ntuża biex tħassru l-biljetti. Iżda dan għall-qorti ma kienx biżżejjed biex issib lil Ebejer ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża mmexxija mill-avukat Ryan Ellul argumentat kif il-pulizija ma kelliex evidenza bħal filmati minn kameras tas-sigurtà.