“L-għaqda Repubblika tilfet il-kredibilità meta waqgħet fi skiet li jtarrax fuq Jason Azzopardi” – l-Independent – One News

Notifiki

“L-għaqda Repubblika tilfet il-kredibilità meta waqgħet fi skiet li jtarrax fuq Jason Azzopardi” – l-Independent

Tilfet ħafna jekk mhux tilfet il-kredibilità kollha talli baqgħet siekta fuq Jason Azzopardi.

Din hija l-fehma tal-gazzetta indipendenti ‘The Malta Indepenedent’ dwar l-għaqda Repubblika.

F’editorjal ċar, fil-ħarġa tagħha tal-lum, il-gazzetta ġabet eżempju ta’ għaqda mhux governattiva li hija voċifera u tqajjem kuxjenza dwar l-ambjent.

Din l-għaqda saħansitra torganizza protesti u toħroġ stqarrijiet fuq żviluppi fil-pajjiż imbagħad ikun hemm żvilupp partikolari ta’ żviluppatur qrib dik l-għaqda u din tibqa’ siekta.

L-editur tal-Independent spjega kif dan huwa l-każ għall-għaqda Repubblika li tipprotesta u toħroġ stqarrijiet fuq diversi temi iżda l-aktar dwar is-saltna tad-dritt, madankollu kif id-deputat Jason Azzopardi ammetta li tliet snin ilu tħallsitlu kamra f’lukanda lussuża f’Tel Aviv m’għand il-grupp ta’ Yorgen Fenech, l-għaqda Repubblika ma qalet xejn dwar l-aġir ta’ Azzopardi.

“L-ebda stqarrija, lanqas forma ta’ diżapprovazzjoni, l-ebda ppuntar tas-swaba’ dwar ksur ta’ etika u wisq inqas lanqas sejħa għal riżenja mingħand Repubblika”, qalet il-gazzetta ‘The Malta Independent’ fl-editorjal tagħha.

L-editur żied jgħid li hu ċert illi kieku xi uffiċjal għoli jew Ministru ta’ Gvern Laburista kien isir magħruf li tħallsitlu kamra f’lukanda mingħand xi negozjant, Repubblika kienet tkun l-ewwel waħda li almenu toħroġ titkellem dwar ksur ta’ etika.

Il-gazzetta rrimarkat li Jason Azzopardi huwa l-avukat tal-għaqda Repubblika, li jirrappreżentaha f’diversi kawżi.

Fil-fatt Jason Azzopardi bħala avukat kien fetaħ kwereli kontra l-Prim Ministru, il-Brigadier tal-Armata u s-suldati fejn akkużhom bi qtil ta’ immigranti.

F’inkjesta Maġisterjali sar magħruf li dan ma kien minnu xejn, anki jekk Jason Azzopardi ried jibgħat lill-partijiet imsemmija għomorhom il-ħabs.

Riċentament, Jason Azzopardi anki mar barra minn Malta, fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex ikompli kawża kontra pajjiżna dwar il-ħatriet tal-ġudikanti meta din is-sistema nbidlet u issa l-Prim Ministru reħa l-poter kollu minn idu fil-ħatriet fil-ġudikatura, sistema li vvutat favuriha l-Oppożizzjoni u għandha l-barka tal-Kummissjoni Venezja.

Dwar il-fatt li Jason Azzopardi huwa l-avukat tal-għaqda Repubblika, li issa m’għadhiex tqajjem l-irwiefen iżda waqgħet fi skiet li jtarrax dwar x’ħa Jason Azzopardi m’għand il-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Independent qalet li l-għaqda Repubblika messha ma għażlitx avukat imdaħħal fil-politika partiġjana u b’hekk kienet tkun aktar ħielsa biex tikkritika.

“Bil-fatt li għażlet lil Jason Azzopardi bħala avukat tagħha, mhiex imparzjali, bil-fatt li ddeċidiet li ma tikkritikax lil Jason Azzopardi, tilfet il-kredibilità”, temmet tgħid The Malta Independent.

Ara wkoll:

L-ebda azzjoni fil-konfront ta’ Jason Azzopardi mill-Kummissjoni Etika tal-PN

Ta’ QabelLi Jmiss

2 Comments

  1. Mhux xi baħnan kien jaħseb li dawn ma kellhomx aġenda kontra l,-PL! Ħafna jafu li dawn li jiksbu l-poter biss jinteresshom u mhu veru xejn li jintetessawhom affarijiet oħrajn! Kollu dmugħ tal-kukkudrilli. Jibqa l-fatt li dawn ma marrux jipprotestaw meta tressaq l-allegat mandat!! Tal-boloh hux?!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend