Fi stqarrija l-Gvern qal li quddiem il-Bank Ċentrali Ewropew qed jinnomina lil Professur Edward Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Dan wara li Mario Vella, li bħalissa qed jokkupa din il-kariga, se jinħatar bħala Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Negozju mar-Renju Unit, mill-bidu tas-sena d-dieħla.
Dan fl-isfond li se jintemm il-perjodu tranżitorju ta’ BREXIT u se jidħlu regolamenti ġodda f’setturi differenti li mistennija jħallu mpatt.
Bil-kariga l-ġdida tiegħu, Edward Scicluna se jkun qed jirriżenja minn Ministru u deputat parlamentari fil-jiem li ġejjin biex iservi f’kariga importanti u jmexxi l-Bank Ċentrali mill-bidu tas-sena li ġejja.
Il-Gvern irringrazzja lill-Ministru Scicluna tax-xogħol impekkabbli li wettaq bħala Ministru għall-Finanzi biex fis-seba’ snin li għaddew minn sitwazzjoni ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv qabel l-2013, ġab lil pajjiżna bl-aqwa ekonomija fl-Ewropa.
Il-Gvern irrimarka li bit-tmexxija ta’ Scicluna, il-pajjiż kellu budgets ta’ suċċess li qassmu l-ġid lill-eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.
Il-Gvern radd ħajr lil Mario Vella għal ħidmietu fil-Bank Ċentrali u awgura kemm lilu u anki lil Scicluna għal karigi l-ġodda, li bihom se jibqgħu jkunu ta’ servizz.