It-tim nazzjonali joħroġ b’rasu mgħollija mill-UEFA Nations League – One News

Notifiki

It-tim nazzjonali joħroġ b’rasu mgħollija mill-UEFA Nations League

Grintużi, jilagħbu logħob sabiħ u ma jiddejqu minn ħadd.

Dawn kienu wħud mill-aġġettivi li t-Tlieta filgħaxija fnew il-midja soċjali wara li ssaffret is-suffara tal-aħħar fil-logħba tat-tim nazzjonali tal-Futbol Malti kontra l-Gżejjer Faroe.

Logħba tal-UEFA Nations League fejn fiha it-Tim Malti, bi prestazzjoni fenomenali oħra, sfortunatament ġie miżmum fi dro ta’ 1-1. B’hekk punt wieħed biss ma kienx biżżejjed biex it-tim nazzjonali jirbaħ il-grupp u javvanza.

Kienet logħba missielta għall-aħħar bil-Gżejjer Faroe jiddominaw ftit aktar mill-Maltin fl-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima l-istorja kienet ferm differenti hekk kif it-tim immexxi minn Devis Mangia tjieb u saħansitra kien hu li fetaħ l-iskor permezz ta’ xutt fil-kaxxa fl-54 minuta minn Matthew Guillaumier.

Il-Gżejjer Faroe kisbu d-dro 16-il minuta wara minn Ari Mohr Jonsson meta d-difiża Maltija nqabdet.

Il-Maltin baqgħu jagħfsu u sal-aħħar baqgħu jattakkaw, bid-difiża tal-Gżejjer Faroe taħt pressjoni.

Malta sabet ix-xibka wkoll qabel ġie l-ewwel gowl validu iżda l-gowl ġie mħassar għal ftit millimetri ta’ offside.

Fi tmiem il-partita bosta rħewla għall-midja soċjali fejn faħħru mhux ftit lit-tim nazzjonali Malti għall-prestazzjoni tiegħu.

Fost ħafna kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela li fuq Twitter innotta l-progress kbir li qed isir.

Intant l-Erbgħa filgħodu crew ta’ One News żar il-Belt Valletta sabiex jieħu r-reazzjoni tal-pubbliku dwar il-prestazzjoni tat-tim nazzjonali tal-futbol Malti.

Kienu bosta li faħħru lill-kowċ Devis Mangia u l-mod ta’ kif irnexxielu jgħaqqad lit-tim Malti. Oħrajn kellhom dubju dwar il-gowl li tħassrilhom il-Maltin. Xi Maltin li tkellimna magħhom qaluna:

“Prestazzjoni tajba lbieraħ u anke l-logħbiet ta’ qabel, sistema tal-kowċ nazzjonali ġdida għalina tajba wkoll.”

“Ħa nkun onest jien issorprendejt ruħi għax kellna kowċis tajbin imma dawn qishom klikkjaw.”

“Sabu kowċ imexxihom sewwa biex ġabu dawk ir-riżultati kollha jiġifieri anke dan l-aħħar wieħed għalkemm m’għaddejniex bi sfortuna naħseb kien tajjeb ħafna.”

“Veru l-Maltin tjiebu e. Aħna m’aħniex ngħidu li qed nilagħbu kontra l-Ingliżi jew il-Ġermanja imma ma pajjiżi bħalna qed jirnexxielna nilgħabu daqshom.”

“Kellna dubju jekk kien offside jew le l-ewwel gowl, però għalina rebħa.

 L-istess persuni nnutaw ukoll kif bil-prestazzjonijiet tiegħu fl-aħħar logħbiet, it-tim nazzjonali rnexxielu jgħaqqad lill-poplu kollu warajh. Huma qalulna:

“Jien ngħid li dan it-tim fil-preżent għaqqad lill-Maltin kollha u l-Għawdxin għaliex tara s-social media minn din il-ġimgħa kienet kollha moħħhom fuq il-logħba.”

“Jien naħseb jekk jibqgħu b’din il-mentalità għax anke kif konnha qabel meta konnha niġu mal-Ingliżi jew it-Taljani kien jagħtu prestazzjonijiet tajba, aħseb u ara issa mela.”

“Fejn is-soltu ifhem kulħadd kien diżappuntat imbagħad f’dawn l-aħħar għoxrin sena bdejn nitgħallmu nissaportjaw it-tim Malti, jien niftakar meta kienu joħorġu jilgħabu u jżommu mat-tim l-ieħor.”

“Ħafna ilbieraħ bdejt nixxutja l-affarijiet jien għax ridthom jirbħu bilfors imma ġiet hekk hu.”

“Jgħaqqduna dejjem għaliex Maltin hu. Niġru wara Malta, aħna l-ewwel Malta u qabel kollox.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend