Illum, il-Kummissjoni Ewropea approvat il-ħames kuntratt mal-kumpanija farmaċewtika CureVac, li jbassar ix-xiri inizjali ta’ 225 miljun doża f’isem l-Istati Membri kollha tal-UE, flimkien ma’ għażla li jintalbu sa 180 miljun doża oħra, li se jiġu fornuti ladarba jkun ġie ppruvat li l-vaċċin huwa sikur u effettiv kontra l-COVID-19.
Il-kuntratt tal-lum ma’ CureVac ikabbar il-portafoll wiesa’ ta’ vaċċini li se jiġu prodotti fl-Ewropa, inklużi dawk il-kuntratti diġà ffirmati ma’ AstraZeneca, Sanofi-GSK, Janssen Pharmaceutica NV u BioNtech-Pfizer, u d-diskussjonijiet esploratorji konklużi b’suċċess ma’ Moderna. Dan il-portafoll diversifikat ta’ vaċċini se jiżgura li l-Ewropa tkun ippreparata tajjeb għat-tilqim, ladarba jiġi ppruvat li l-vaċċini huma sikuri u effettivi.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet: “Ftit jiem wara li ffirmajna l-kuntratt ma’ BioNTech u Pfizer, għandi pjaċir inħabbar ftehim ġdid ma’ kumpanija Ewropea promettenti. Il-Kummissjoni s’issa tista’ tiggarantixxi mill-inqas 1.2 biljun doża u qed tissodisfa l-impenn tagħha li tiżgura aċċess ekwu għal vaċċini sikuri, effettivi u affordabbli mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE iżda wkoll għall-persuni l-aktar foqra u vulnerabbli fid-dinja. Ħafna minn dawn il-vaċċini kandidati jinsabu f’fażi avvanzata tal-provi kliniċi. Nittamaw li ladarba l-awtorizzazzjoni tikkonferma dawn ir-riżultati pożittivi, se jitqassmu malajr kemm jista’ jkun u se jgħinuna negħlbu l-pandemija.”
Fis-6 ta’ Lulju, CureVac, kumpanija Ewropea bbażata fil-Ġermanja, iffirmat ftehim ta’ self ta’ EUR 75 miljun mal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-iżvilupp u l-produzzjoni fuq skala kbira ta’ vaċċini, fosthom il-vaċċin kandidat ta’ CureVac kontra l-COVID-19.
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tappoġġja dan il-vaċċin abbażi ta’ provi xjentifiċi soda, tat-teknoloġija użata, tal-esperjenza tal-kumpanija fl-iżvilupp ta’ vaċċini u tal-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha biex il-vaċċin jiġi pprovdut madwar l-UE kollha.