Beda x-xogħol ta’ restawr u rijabilitazzjoni tar-Ravelin, fid-daħla taċ-Ċittadella.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li qal li x-xogħol se jiswa madwar ħamsa u sittin elf ewro u ser jikkonsisti f’żewġ fażijiet.
Fl-ewwel fażi ser titneħħa l-ħamrija u l-pavimentar li hemm bħalissa, waqt li t-tieni fażi ser tinkludi t-tqegħid ta’ tapiti li jifilħu għall-ilma fuq sodda tal-konkos u l-pavimentar tar-Ravelin kollu bil-ġebel tal-qawwi. Se jsir ukoll tisbiħ fuq is-sit permezz ta’ dwal u għamara adattata.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal kif dan is-sit storiku li kien importanti bħala l-ewwel punt ta’ difiżi għal din l-unika fortizza fil-gżira tat-tliet għoljiet se tkun restawrata.
Dan is-sit kien qed iġarrab diversi ħsarat minħabba l-infiltrazzjoni tal-ilma.
“B’investiment ta’ madwar €65,000 ser inkunu qegħdin naraw li neliminaw din il-problema, nirrestawraw fejn hemm bżonn, skont il-pariri tekniċi u professjonali sabiex b’mod ovvju nħarsu l-wirt storiku ta’ pajjiżna, f’dan il-każ il-wirt storiku taċ-Ċittadella.”
Id-Direttur għall-Wirt Kulturali John Xuereb qal kif matul iż-żmien din il-binja nbiddlet kemm-il darba u ftit li xejn għadha tingħaraf minn kif kienet mibnija fi żmien il-Kavallieri.