Id-deputat Nazzjonalista David Thake, li huwa l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ambjent, waqt programm fuq l-istazzjon nazzjonali qal li huwa ma jaqbilx mal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Dan intqal meta kien mistoqsi ċar u tond mill-ġurnalist u preżentatur dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-kaċċa u kien qed jiddibatti mal-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia.
Meta kien qed jitkellem dwar il-ftehim ffirmat mill-FKNK dwar l-art tal-Miżieb li ilu fis-seħħ mill-1986, David Thake qal li ma jaqbilx miegħu. Dan meta dan il-ftehim kien anki fis-seħħ taħt gvernijiet Nazzjonalisti.
David Thake qal kif kull kunsill lokali għandu jkollu veto sabiex jiddeċiedi fuq żvilupp.
B’dan il-mod, mat-tmienja u sittin Kunsill jista’ jwaqqaf kollox.
“Jumejn ilu fil-Parlament jiena semmejt punt wieħed żgħir, għaliex il-kunsilli lokali m’għandhomx ikollhom id-dritt ta’ veto? Jiġifieri jgħidu le u d-deċizjoni tagħhom tkun torbot.”
Waqt dan il-programm, David Thake beda jgħid kif Gvern Laburista għandu diversi nuqqasijiet f’dan is-settur, bil-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia wieġeb hekk.
“Dan il-Gvern kien l-ewwel gvern illi fl-2014 għamel il-policy għall-ewwel darba għaż-żoni rurali, li bħalissa qed nirrevedu u aħna fl-2020 rrevedejna dik il-policy biex intejbu fuqha. Għax tajjeb ngħidu illi l-pajjiż qabel l-2013, ma kellux rural policy ta, il-pajjiż qabel l-2013 ma kellux fuel stations policy ta, il-pajjiż qabel l-2013 ma kellux policy fuq l-għoli, imma qabel int kont stajt tgħolli, kont tista tibni fiż-żoni rurali, kont tagħmel petrol station, skont min int.”
Meta Thake kien mistoqsi dwar x’jaħseb li hemm kelliema differenti fl-ambjent u fl-ippjanar fil-Partit Nazzjonalista huwa waħħal fl-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
“Jiena nemmen ukoll li jekk ikollok spokesperson illi jkun qed jisshadowja ministru partikolari u allura d-dekasteru kollu, ix-xogħol ikun aktar faċli, però kienet deċizjoni li kienet saret, ittieħdet mill-Kap tal-Oppożizzjoni”