Fiż-żmien meta pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro tant li skont il-Eurostat, pajjiżna naqqas il-qgħad waqt il-pandemija, fl-ewwel attività politika tiegħu bħala Kap Nazzjonalista ġewwa ż-Żurrieq, Bernard Grech qal li l-Gvern rema lill-ħaddiema.
Qal, “Illum għandna gvern illi rema għal kollox lill-ħaddiem”
F’diskors mimli kritika anki jekk ġew salvati mal-mitt elf impjieg permezz tal-Covid Wage Supplement u anki meta l-Kummissjoni Ewropea bassret li sentejn oħra, pajjiżna se jkollu l-ogħla tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, il-Kap Nazzjonalista qal li t-tkabbir ekonomiku qed jaħdem biss għal dawk li għandhom il-flus.
Sostna kif, “Pero ħadmet u mxiet l-aktar għal dawk in-nies li għandhom il-flus.”
Din id-dikjarazzjoni ntqalet wara li fil-budget li għadu kif tħabbar il-Gvern reġa’ żied iċ-childrens’ Allowances, tejjeb l-in-work benefit, ta’ rifużjoni tat-taxxa ogħla lil kull ħaddiem u żied għal darb’oħra l-pensjonijiet.
Ġewwa ż-Żurrieq, Bernard Grech semma lil Roberta Metsola u qal kif pajjiżna huwa tal-makku.
Qal li, “Minkejja li ġejja f’pajjiż tal-makku”
F’parti sostanzjali mid-diskors tiegħu, Bernard Grech għamel diversi tislijiet fosthom lil Louis Galea, li l-predeċessur tiegħu Adrian Delia għamlu bħala uffiċjal fil-partit, fejn imbagħad wasal li ħadha kontra Delia sabiex itella’ lil Bernard Grech bħala kap Nazzjonalista.
Hu qal, “Nixtieq insellem lil Helen Damato, lil Ninu Zammit, lil Louis Galea”
Bernard Grech sellem ukoll lil Marlene Farrugia, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali kienet parti minn dik imsejħa bħala koalizzjoni ta’ konfużjoni mal-eks kap Nazzjonalista Simon Busutil.
Qal, “Insellem lil Shirley Cauchi, lil Noel Galea, lil Marlene Farrugia”
Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech kritika lill-Partit Laburista għax skont hu jikkritika lill-Unjoni Ewropea.
Sostna, “Jippruvaw ibeżżgħuna mill-Ewropa. Illum ixejru l-bandiera tal-Ewropa, però fl-istess ħin ma kulċ ċans li jkollhom, araw l-aħbarijiet fuq l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista kontinwament jippruvaw kull ħaġa li tiġi jħammġu, ikissru jippruvaw illi dak li qed jiġri minħabba l-Ewropa.”
Din id-dikjarazzjoni Grech qalha fl-istess ġimgħa li d-deputat tiegħu Edwin Vassallo ħadha qatta’ bla ħabel kontra Helena Dalli li nediet l-ewwel strateġija tal-Unjoni Ewropea dwar diskriminazzjoni fil-konfront ta’ nies omosesswali fost oħrajn.
L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea, Vassallo sejħilha marxiżmu.