Raġel indarab waqt serqa fl-Imsida bil-Pulizija tinsab għaddejja bi tfittxija għal żewġ persuni.
Il-każ seħħ kmieni dalgħodu, għal xi s-sagħtejn neqsin kwart meta raġel ta’ 50 sena mill-Ħamrun, daħal fl-Għassa tal-Imsida jirraporta li għadu kemm ġie misruq minn żewġ persuni fi Triq Giorgio Mitrovich, l-Imsida.
Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li l-vittma, waqt li kien qiegħed fil-vettura tiegħu, ġie avviċinat minn mara u raġel, li allegatament poġġewlu mus m’għonqu u serqulu oġġetti ta’ valur u mowbajl. Iż-żewġ aggressuri ħarbu immedjatament minn fuq il-post.
Tfittxija għaż-żewġ persuni għadha għaddejja. Ir-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.