Jason Azzopardi, li jippriedka sikwit dwar il-korretteza politika għandu lista sħiħa ta’ avvenimenti mħallsa direttament mill-kumpanija ta’ Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan żvelatu l-gazzetta Illum li rrapportat kif qabel l-elfejn u tlettax, Azzopardi uża s-servizzi tal-grupp ta’ Yorgen Fenech, li dak iż-żmien kien id-direttur tal-grupp Tumas. Waqt il-kampanja elettorali tal-elfejn u tmienja, Azzopardi rranġa li juża b’xejn sala u ikel fil-lukanda Hilton.
Il-gazzetta Illum u anki l-Maltatoday kitbu kif Jason Azzopardi, bil-pożizzjoni tiegħu t’avukat li qed jidher għall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, fl-2019 kien jaf li Yorgen Fenech kien qed jiġi investigat b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Saviour Balzan kiteb li huwa ċert li allura Jason Azzopardi rregola lilu nnifsu u qata’ r-rabtiet li kellu ma’ Fenech meta hu kien jaf li dak li kien jakkwista mill-grupp tiegħu, kien taħt il-lenti tal-investigazzjoni tal-pulizija.
Saħansitra, Jason Azzopardi meta waqaf juża s-servizzi tal-Hilton għax kien jaf li Yorgen Fenech qed ikun investigat minflok mar biex juża s-servizzi ta’ lukanda fejn Jonathan Ferris kien imexxi s-sigurtà ta’ lukanda.
Jason Azzopardi huwa l-avukat ta’ Ferris li qed ikun mixli bi sperġur u ġurament falz fil-każ tal-Egrant.
Ferris kien suppost qed jinvestiga lil Jason Azzopardi, bħala spettur tal-pulizija waqt inkjesta Maġisterjali fuq allegat korruzzjoni u frodi fid-dipartiment tal-artijiet meta Jason Azzopardi kien politikament responsabbli.
Seba’ snin wara li nfetħet, din l-inkjesta għadha ma għalqitx.
Intant qabel l-elfejn u tlettax ukoll, meta Azzopardi kien Ministru u Segretarju Parlamentari taħt Lawrence Gonzi seta juża meta jrid is-servizzi b’xejn fil-lukanda Excelsior fejn kellu aċċess għall-gym, kamra u kolazzjon.
F’dan il-perjodu wkoll, Jason Azzopardi kien uża s-servizzi wkoll b’xejn ta’ John’s Garage, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ karozzi u l-kirja ta’ sala.
Il-gazzetta Illum irrapurtat ukoll li sa wara Ġunju elfejn u sbatax, Jason Azzopardi baqa’ juża s-servizz tal-lukanda Hilton li jinkludu illi joqgħod mal-lido u l-pixxina, kif ukoll jiekol buffett b’xejn.
Ġie rrapurtat ukoll kif Azzopardi qatt ma staha minn ħadd, iċempel negozjanti kbar biex jieħu l-affarijiet b’xejn.
Meta Jason Azzopardi kien responsabbli mill-artijiet, hu kien uża s-servizzzi tal-kumpanija li kellha parkeġġ fil-Belt biex jirranġa l-uffiċċju tiegħu, liema kumpanija kellha estensjoni taċ-ċens fl-istess żmien.
Taħt Gvern Nazzjonalista, residenti li joqogħdu fid-distrett ta’ Azzopardi ġew offruti art pubblika biex jestendu d-djar tagħhom, fejn bħalissa għaddejja Inkjesta Maġisterjali li qed tinvestiga fost oħrajn allegazzjonijiet ta’ frodi u korruzzjoni.
Din il-lista sħiħa ta’ servizzi b’xejn u rregolaritajiet ta’ Jason Azzopardi, tiġi ġimgħa wara li l-istess gazzetta żvelat li Azzopardi mar il-Hilton ta’ Tel Aviv u ġiet imħallsa mill-Grupp ta’ Yorgen Fenech. F’din is-safra, Jason Azzopardi kien qal lil martu li jrid imur waħdu biex imbagħad lejl ħdejn il-qabar ta’ Kristu.
Iżda mart Jason Azzopardi qalet li huwa mar mas-sieħba preżenti tiegħu.
Intant fuq il-Maltatoday, l-editur Saviour Balzan kiteb dwar dik li sejħilha bħala ipokresija ta’ Jason Azzopardi.
Balzan semma kif Jason Azzopardi jagħmel żball meta jagħti l-impressjoni li huwa politikant verġni u l-bqija mifqugħin b’affarijiet kontra l-liġi.
Spjega kif Jason Azzopardi huwa selettiv u jagħti l-istejjer li jaqbel lilu.
Balzan ċaħad li l-midja li jmexxi żvelat l-istejjer dwar Jason Azzopardi biex tipprova tnaqqas l-attenzjoni fuq stejjer oħra.
“Din gidba kbira”, qal Saviour Balzan.