Mill-bidu tas-sena sa nofs Novembru, spezzjonijiet regolari li wettqu uffiċjali tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi wasslu biex ingħataw mitejn u sitta u tmenin multa ta’ mija u ħamsin ewro ’l waħda b’rabta ma’ rimi tal-iskart b’mod illegali.B’kollox ingħataw aktar minn tnejn u erbgħin elf ewro f’multi f’diversi lokalijiet madwar Malta.
ONE news tkellem mal-Manager fit-taqsima tal-Infurzar tal-ERA, Alexander Borg, li spjega x-xenajri l-aktar komuni li jaffaċċjaw.
Qal li, “Hemm tliet scenarios li tikkontempla l-liġi filfatt. Għandek one min joħroġ il-borża fil-ġurnata l-ħażina, l-iktar qed ngħidu meta suppost ħareġ il-borża tal-organic/recycling u minflok toħroġ il-borża s-sewda. Dak filfatt jammontaw għal madwar 40% ta’ dawn il-multi. L-iktar każ komuni huwa meta n-nies ipoġġu ż-żibel tagħhom fl-art fil-bring in sites.”
F’Ġunju li għadda, il-Ministeru, l-Awtorità għall-Ambjent u l-WasteServe, introduċew pieni aktar ħorox għal persuni li jiddisponu mill-iskart b’mod illegali.
Infatti ġew introdotti multi ta’ elf ewro għal rimi ta’ skart ta’ kostruzzjoni inkluż ġebel.
Matul is-sena li għaddiet, l-ERA ħarġet tlettax-il ordni ta’ multi għal dawk li nqabdu jiddisponu minn skart goff. Liema multa hija ta’ tlett elef ewro u tista’ titla’ sa massimu ta’ tlietin elf ewro.
Spjega li, “Ma’ dawn l-ordnijiet ikun hemm abbinati dak li ngħidulhom daily fines, multi ta’ kuljum, iktar mhu ħa jdum hemmhekk iż-żibel iktar ħa teskala u togħla l-multa. F’każijiet iktar serji nistgħu mbagħad nirrikorru għal qorti.”