Notifiki

Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem issottometta applikazzjoni biex jiġu użati fondi tal-UE favur persuni LGBTIQ

Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem (HRD) fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza ħabbar li ssottometta applikazzjoni taħt il-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea biex jiġu użati l-fondi tal-UE sabiex jiġi żgurat li persuni LGBTIQ igawdu aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għas-servizzi tas-saħħa, billi jissaħħu l-għarfien u l-kapaċità ta’ dawk involuti fil-provvista rikorrenti tal-kura tas-saħħa biex jilħqu l-ħtiġijiet tagħhom.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza intqal li Malta għandha wieħed mill-aqwa oqfsa legali mad-dinja kollha fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-protezzjoni tal-komunità LGBTIQ, bil-proċess ta’ integrazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet legali fis-servizzi pubbliċi kollha għadu għaddej.

Meta n-nies LGBTIQ jaċċessaw is-servizzi tas-saħħa, il-prattikanti jassumu l-eterosesswalità u ħafna drabi jużaw it-terminoloġiji korrispondenti. Dan ifisser li persuni LGBTIQ jesperjenzaw esklużjoni u inviżibilità. Għal persuni trans u intersesswali, professjonisti tas-saħħa li jużaw lingwaġġ patoloġiku u l-misgendering jistgħu jirriżultaw fl-evitar tal-kura tas-saħħa, kif ukoll problemi oħra.

Il-kliniku ewlieni tal-Klinika tal-Benesseri tal-Ġeneru Dr Mario Cachia qal li kien meħtieġ appoġġ mill-fornituri kollha tal-kura tas-saħħa fl-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa tal-persuni LGBTIQ. Dan il-proġett kien għalhekk importanti billi kien se jkun qed jipprovdi taħriġ lill-infermiera, lit-tobba tal-emerġenza u lill-persunal tal-ewwel kuntatt mediku.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis qal li dan il-proġett huwa parti mill-approċċ ħolistiku ta’ dan il-Gvern lejn l-impenn tiegħu biex jiżgura li d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ huma mħarsa. Dan il-proġett jibni fuq proġetti preċedenti ffinanzjati mill-UE bħall-proġett pilota Health4LGBTI tal-Parlament Ewropew – Nagħmlu użu mill-għarfien espert tagħna stess f’dan il-qasam kull fejn hu possibbli, bħal fit-taħriġ tal-persunal tal-kura u akkoljenza tal-klijenti kif ukoll infermiera u prattikanti oħra tas-saħħa.

Żied li kulħadd jistħoqqlu d-dritt għal aċċess adekwat għas-servizzi tas-saħħa waqt li tenna l-impenn tal-Gvern fil-ħarsien tad-drittijiet tal-persuni kollha LGBTIQ+.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar qalet li aħna niddependu fuq is-servizzi tas-saħħa għall-benesseri tagħna u huwa għalhekk importanti li l-esperjenza tagħna fl-aċċess għalihom tkun waħda pożittiva fejn inħossuna meqjusa, mismugħa u mifhuma u fejn l-identitajiet tagħna ma joħolqux sfidi addizzjonali u jżidu l-istress jew l-ansjetà. Madanakollu, anke jekk jafu li persuni LGBTIQ huma intitolati għal trattament ugwali, xorta jistgħu jesperjenzaw sfidi meta jaċċessaw is-settur tas-saħħa.

Dan il-proġett joħroġ mill-impenn tal-Gvern li jiżgura trattament ugwali ta’ persuni LGBTIQ fl-isferi kollha tal-ħajja. Is-Segretarju Parlamentari kkonkludiet li l-ugwaljanza hija u se tkun dejjem fil-quċċata tal-aġenda ta’ dan il-gvern bil-għan li tinkiseb Malta aktar ugwali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend