Ħidma delikata u perikoluża għall-pulizija fil-qabdiet tad-droga – One News

Notifiki

Ħidma delikata u perikoluża għall-pulizija fil-qabdiet tad-droga

Wara kull arrest jew rejd li jsir b’rabta ma’ pussess jew traffikar tad-droga, jkun hemm ġranet u ljieli sħaħ ta’ ħidma minn diversi uffiċjali fi ħdan il-korp tal-Pulizija ta’ Malta. Ħidma li xi kultant tista’ tkun ukoll perikoluża.

Stqarr dan l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Dennis Theuma fejn f’kummenti ma’ dan l-istazzjon spjega il-proċess delikat sabiex eventwalment l-akkużati jiġu mixlija quddiem il-Qorti Kriminali.

Hu qal: “Ma niġux at one fine day u ngħidu isma’ ħa nirrejdjaw Ħal Qormi, Ta’ Sliema jew hemmhekk jew it-tali. Hemm il-ħsieb hemm l-organizzazzjoni, trid in-nies, il-mezzi. Irid ikollok kollox in place u rridu nkunu legalment korretti, inġibu l-warrant u li għamilna d-due diligance tagħna. Niċċekjaw l-informazzjoni oriġinali kif kabbarnieha u ftaħnieha u l-istorja li rnexxielna nibnu.”

Kollox jibda minn informazzjoni li tiġi studjata bir-reqqa, fejn wara jintalab mandat t’arrest u tfittixja fuq il-persuna jew persuni suspettati, mill-Maġistrat tal-Għassa.

Wara l-arrest jew rejd imbagħad jibda proċess ieħor importanti fil-każ, hekk kif il-Pulizija nkarigati jridu jevalwaw diversi oġġetti mix-xena, marki tas-swaba’ u anke DNA. Hawnekk jibda il-proċess sabiex il-persuni arrestati jitpoġġew taħt akkuża u jitressqu mixlija quddiem il-Qorti.

L-Assistent Kummissarju semma li huma jiltaqgħu ma’ ħafna abbużi ta’ droga f’parties kbar u atttivitajiet tal-massa.

Innota li għalkemm bħalissa dawn mhux isiru minħabba l-imxija, sfortunatament l-abbuż mid-droga xorta ma naqasx.

Huwa sostna: “Bħalissa bil-Covid pereżempju li nista’ ngħidlek huwa x-xena nbidlet naqa’ u jkun hemm ċertu parties u f’dawn il-parties sfortunatament normalment konna nsibu ammont mhux ħażin ta’ persuni li jabbużaw mid-droga, kemm użu personali u kemm min juża dawn il-parties biex ibigħ id-droga fihom. Bħalissa dawk il-parties m’hemmx, attivitajiet tal-massa ma jistgħux isiru. Biss jekk ħa ssaqsi l-problema tad-droga waqfet? Sfortunatament se jkolli ngħidlek le.”

L-Assistent Kummissarju spjega li qabel ma finalment tinqered id-droga fl-inċineratur jsiru ħafna studji u investigazzjonijiet fuqha, kemm mill-pulizija kif ukoll minn esperti tal-Qorti.

Semma li wieħed mill-għanijiet tagħhom huwa li jgħallmu lil dawk li jabbużaw mid-droga u jwaqqfu lit-traffikant il-kbir li qed bil-mod il-mod jeqred liż-żgħir.

Huwa saħaq: “One naraw li l-liġi tiġi osservata, il-persuni vittmi dawk il-users li huma l-vittmi nippruvaw, nagħmlu xogħolna dejjem imma nippruvaw ngħinuh. Biss fejn jidħlu dawk il-persuni li qed jistgħanaw fuq il-miżerja tal-vittmi dak aħna naraw li nagħmlu xogħolna sew u l-unika mod li jiena nħossni sodisfatt li jirnexxilna naqdbu dawk il-pushers u traffikanti ta’ ċertu livell.”

Intant minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament, sa Settembru li għadda kien hawn ħamsa u sittin persuna mressqa l-Qorti fuq traffikar tad-droga.

Dan apparti li mija u sbatax-il persuna tressqu fuq pussess tad-droga.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend