B’investiment ta’ miljun ewro se jkunu qed jiżdiedu mal-mija u tletin post ta’ fejn tiċċarġja l-karozza elettrika tiegħek madwar il-pajjiż.
Dan l-investiment, li huwa ko-finanzjat minn fondi Ewropej, se jara dawn il-postijiet ikunu lesti għas-servizz sa nofs is-sena d-dieħla.
Dawn il-postijiet se jkunu aċċessibbli wkoll għall-persuni b’diżabilità.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia semma kif Malta qed tibbaża l-ħidma tagħha fuq mudell ekonomiku sostenibbli li jifforma parti mill-Green Deal tal-Unjoni Ewropea fejn wieħed mill-pilastri ewlenin se jkun dak li pajjiżna jkun newtrali mill-karbonju sas-sena 2050.
Qal li mira ewlenija hija li jonqsu l-emmissjonijiet mill-vetturi u għalhekk il-ħtieġa t’aktar karozzi elettriċi fit-toroq.
Qal kif, “Eventwalment l-iskop huwa ż-żieda ta’ karozzi elettriċi ġewwa pajjiżna bl-inċentivi li diġà qiegħed jagħti l-gvern u abbli l’quddiem jkun qiegħed jara x’tip ta’ inċentivi oħra jkun qiegħed jagħti s-settur ħalli Malta tilħaq it-targets tagħha ta’ karozzi elettriċi illi jiddaħħlu ġewwa pajjiżna b’rata illi eventwalment nilħqu t-targets illi ssettjajna lilna nfusna.”
Qal li se jkun hemm miżuri oħra bħal dik fis-seħħ fejn residenza tgawdi minn rata speċjali fil-kontijiet tad-dawl hekk tiċċarġja l-batterija tal-vettura f’darha matul il-lejl.
Il-Ministru Farrugia temm jgħid li inizjattivi bħal dawn se jfissru wkoll pass ieħor biex Malta ttejjeb il-kwalità tal-arja.