Il-kumpaniji privati għandhom fiduċja fix-xogħol li qed jaħdem il-Gvern. Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jinawgura uffiċini ġodda tal-AIB Insurance Brokers Ltd f’Santa Venera b’investiment ta’ miljun u nofs ewro.
Il-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema tal-kumpanija li llum tqalla’ l-ħobża ta’ kuljum lil għoxrin persuna kwalifikati.
Il-Prim Ministru qal kif permezz ta’ dan l-investiment mhux biss qed iqawwu l-investiment lokali imma qed issarraf fi tkabbir ekonomiku li jkun tal-aqwa kwalità.
Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Ramon Mizzi qal kif din il-binja se tirrappreżenta l-valuri ewlenin tal-kumpanija, l-eċċellenza, id-dedikazzjoni u l-kompetenza. Żied jgħid li l-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju ma setax ikun ta’ suċċess kieku ma sarx investiment miż-żgħażagħ infushom li jagħżlu din il-professjoni bħala l-karriera tagħhom, hekk kif numru kbir ta’ żgħażagħ qed jidħlu f’dan is-settur.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Finanzi l-Professur Edward Scicluna li qal li huwa dejjem ta’ sodisfazzjon li tara operaturi fl-industrija tal-assigurazzjoni jikkunsidraw aktar investiment fis-settur. Il-Ministru Scicluna qal li bħalissa hawn tmienja u sittin kumpanija tal-assigurazzjoni liċenzjata f’Malta, b’assi li jammontaw għal tlettax punt tmienja biljun ewro.