Fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa, mija u persuna fiequ mill-COVID-19, filwaqt li feġġew mija u ħamsin każ minn tlett elef u ħamsa u tletin (3,035) test.
Dan ifisser li ħamsa u disgħin fil-mija tat-testijiet li saru ġew fin-negattiv, filwaqt li kienu biss ħamsa fil-mija li ġew fil-pożittiv.
Dan tħabbar waqt il-bullettin mediku ta’ kull ġimgħa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Waqt dan il-bullettin, il-Professur Gauci qalet kif Malta għandha rata baxxa ta’ infezzjonijiet imqabbla mal-pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Hekk kif pajjiżna għandu rata baxxa ta’ tliet mija u sittin każ għal kull mitt elf persuna. Ir-Reppublika Ċeka għandha l-ogħla rata ta’ każijiet, b’elf u tliet mija wieħed u tletin każ għal kull mitt elf persuna.
Pajjiżi oħra, fosthom il-Lussemburgu, wkoll għandhom rata ferm ogħla ta’ infezzjonijiet minn Malta, li saħansitra hija tliet darbiet aktar.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet kif aktar minn xahar wara l-ftuħ tal-iskejjel ma kienx hemm tixrid bejn l-istudenti, hekk kif dawn qed isegwu l-linji gwidi li saru mill-awtoritajiet tas-saħħa flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Spjegat li, “Fuq l-iskejjel, aħna mill-bidu nett konna daħħalna l-meżżi ta’ mitigazzjoni li għandu jkun hemm fl-iskejjel u anke min-naħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, anke l-iskejjel tal-Knisja u anke l-iskejjel li huma privati, kollha qegħdin jogħqodu attenti li propju naraw li dawn qegħdin jimxu ma’ dawk il-linji gwida u dan qegħdin narawh bir-riżultat. Ir-riżultat li mill-każijiet li qegħdin jiġu nnotifikati, aħna ma rajniex li kien hemm firxa u trazmissjoni bejn it-tfal infushom.”
Dwar il-vaċċin, il-Professur Gauci qalet li l-aħbarijiet ta’ din il-ġimgħa kienu fatti inkorraġġanti iżda xorta appellat għal kawtela u ż-żamma tal-miżuri.
Il-Professur Gauci qalet kif pajjiżna qed jagħmel bejn wieħed u ieħor tlett elef test kuljum.
Waqt dan il-bullettin, il-Professur Gauci qalet kif s’issa ftit aktar minn elf u ħames mitt test li jagħti riżultat f’qasir żmien, magħruf bħala rapid testing.
Dawn saru fiċ-ċentru tal-ittestjar li fetaħ apposta fl-Isptar Boffa fil-Floriana
Il-Professur Gauci qalet li hekk kif qed joqrob iż-żmien ta’ festi wieħed għandu jkun responsabbli u ma jiltaqax fi gruppi kbar filwaqt li aċċennat fuq iż-żamma tad-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskri.