Produzzjoni Ingliża għażlet lil pajjiżna sabiex tiġbed il-film Jet Ski, li se joħroġ fis-swali taċ-ċinema, bħal daż-żmien sena.
Liema xeni nġibdu f’diversi postijiet madwar Malta u fil-Malta Film Studios fil-Kalkara.
Il-film Jet Ski għandu budget ta’ ħames miljun ewro fejn minnhom żergħa żewġ miljun ewro fl-ekonomija ta’ Malta.
Id-Direttur tal-film, James Nunn, iddeskriva l-ewwel esperjenza tiegħu f’Malta bħala waħda brillanti u tenna kif t-temp u l-arkitettura Maltija serva ta’ sfond impekkabbli sabiex isir l-ġbid tal-film.
Hu sostna, “The underwater photography here and the technical crew in Malta has been incredible and an asset to the production. Very very happy with everything we have done in Malta and we will definitely be coming back to make a sequel.”
Dan il-film ser ikun qed jinġibed ukoll fiċ-Ċirkewwa, il-Mellieħa u f’Għajn Tuffieħa, li lkoll huma postijiet mill-isbaħ li permezz tagħhom nistgħu nkomplu nirreklamaw lil pajjiżna barra minn xtutna.
Waqt żjara fil-Malta Film Studios fil-Kalkara il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech iltaqgħu mal-produttur u d-direttur tal-film.
Il-Ministru Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li għal darb’oħra Malta qed tintuża għall-ġbid ta’ produzzjoni oħra internazzjonali u semmiet kif 85% tal-ħaddiema fil-ġbid tal-film f’Malta huwa Malti.
Qalet kif, “Il-maġġoranza tal-crew kollu huwa Malti u dan ifisser illi aktar ħaddiema qed ikollhom iċ-ċans li jaħdmu f’din l-industrija illi tant trendi f’din l-ekonomija.”
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech sostna li hija xi ħaġa sabiħa li tara aktar produzzjonijiet internazzjonali li jagħżlu lil Malta.
Qal li, “U wkoll qed jużaw il-faċilitajiet tagħna li huma tant magħrufa mad-dinja kollha ġewwa l-Malta Film Studios. Dan il-film ukoll qed jibbenefika minn Cash Rebate li pajjiżna joffri lil produzzjonijiet barranin.”