Pajjiżna, bħal kull stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea qed ikompli jikber fil-qasam diġitali.
Dan intqal mill-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u mill-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba waqt diskussjoni pubblika dwar l-ekonomija diġitali.
Il-Ministru Carmelo Abela qal kif fl-aħħar ħames snin, il-Gvern investa s-somma ta’ mija u ħamsin miljun ewro fis-servizz pubbliku sabiex ikun aktar diġitali.
Qal kif l-edukazzjoni f’dan is-settur hijaa importanti sabiex aktar nies ikunu familjari ma’ dan il-qasam.
Qal kif, “Element importanti tibqa’ l-edukazzjoni, l-edukazzjoni mhux biss f’termini ta’ skejjel tagħna, imma edukazzjoni fuq ilpost tax-xogħol, għall-ħaddiema tagħna biex ikunu jistgħu jaddattaw għal dawn iċ-ċirkustanzi l-ġodda ħalli nevitaw il-periklu li jkollok min ikun jaf iħaddem dawn l-għodda diġitali u min le.”
L-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba qal kif fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għaddejja ħidma sabiex tgħaddi legislazzjoni sabiex tipproteġi aktar lill-konsumatur meta jixtri online.
Qal kif ħamsa u ħamsin fil-mija tal-ġugarelli li jinxtraw b’mod online mhuwiex skont l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà, filwaqt li ħamsa u sittin fil-mija tal-prodotti farmaċewtiki m’humiex konformi mal-istandards Ewropew u għalhekk jeħtieġ iżjed regolar.
Spjega li, “Aktar protezzjoni l-ewwelnett għall-konsumaturi tagħna, meta jkunu qed jużaw dawn il-pjattaformi digitali li saru daqstant importanti tagħna, bħal Facebook, bħal Twitter u Instagram. Huwa importanti li aħna ċ-ċittadini tagħna meta, nużaw dawn il-pjattaformi u l-qasam diġitali, bl-istess livell ta’ protezzjoni bħal meta jkunu offline, jiġfieri fit-toroq u fil-pjazzez tagħna.”