Malta mistennija tirċievi l-vaċċin għall-Covid-19 fi ftit tal-jiem wara li joħroġ – Id-DPM – One News

Notifiki

Malta mistennija tirċievi l-vaċċin għall-Covid-19 fi ftit tal-jiem wara li joħroġ – Id-DPM

Pajjiżna mistenni jibda jirċievi l-vaċċin tal-Covid-19 f’temp ta’ ftit jiem minn meta jitpoġġa fis-suq.

Dan ikkonfermah id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li spjega kif flimkien mal-kumpanija Pfizer u BioNTech, li t-Tnejn ħabbret kif it-testijiet li qed isiru huma fi stadji avvanzati sew u li l-vaċċin jidher li għandu rata ta’ suċċess ta’ 90%, l-Unjoni Ewropea ffirmat kuntratt  għal tliet mitt miljun doża ta’ dan il-vaċċin. Dan filwaqt li l-Unjoni Ewropea għandha ftehim ma’ tliet kumpaniji oħra.

Id-Deputat Prim Ministru stqarr: “Ir-riżultati tal-Pfizer tal-bieraħ huma riżultati inkoraġġanti, però mhux il-Pfizer biss imma hemm kumpaniji oħrajn, fosthom l-astra zeneca, illi aħna bħala pajjiż Malta, flimkien mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea għandna ftehim magħhom.”

Huwa spjega kif filwaqt li dan l-iżvilupp huwa aħbar tajba, fadal xi testijiet li jridu jsiru qabel il-vaċċin jitpoġġa fuq is-suq.

Id-Deputat Prim Ministru sostna: “Ir-riżultati sa issa huma inkoraġġanti, imma għad fadal riżultati x’isiru, jiġifieri l-kawtela hi li aħna rridu nistennew aktar riżultati deħlin. Jekk ir-riżultati jibqgħu ġejjin tajbin dak jikkonferma dak li ilna ngħidu sa ftit ġimgħat, li nistennew li jkollna l-vaċċin fl-ewwel ġimgħa tas-sena l-ġdida.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend